Sport

Żewġ lottaturi Maltin f’tournament fi Spanja qabel l-Olimpjadi

Fi tmiem il-ġimgħa, Malta ħadet sehem fit-tournament Pre Olimpiku li sar ġewwa Spanja, Madrid. Dan kien l-aħħar kompetizzjoni qabel l-Olimpjadi ta’ Pariġi u għalhekk ħafna pajjiżi użawh bħala preparazzjoni għall-atleti tagħhom. Fost il-pajjiżi preżenti kien hemm l-Istati Uniti, il-Kazakstan, il-Ġermanja, il-Kanada, il-Polonja, Franza, Port Rico, Cuba u ħafna oħrajn. Malta ħadet sehem b’żewġ lottaturi, Gary Giordmaina 57kg u Nico Zarb 74kg.

Gary Giordmaina beda tajjeb ħafna meta għeleb lil Joshua Skory tal-Kanada bil-punti. Huwa kkontrolla l-bout u fl-ebda ħin ma kien minn taħt. Fit-tieni kumbattiment hu ltaqa’ kontra Darien Cruz ta’ Peurto Rico, li kkwalifika biex imur għall-Olimpjadi. Gary beda tajjeb ukoll iżda fil-konfrott weġġa’ spaltu u allavolja għadda mill-grupp fejn kellu jilgħab is-semifinali, ma setax ikompli ħabba l-injury u b’hekk spiċċa fir-raba’ post, pass ‘il bogħod mill-medalja tal-Bronze.

Fis-74kg, Nico Zarb beda kontra l-Amerikan Quincy Monday, rebbiegħ tad-deheb f’din il-kategorija, iżda l-Amerikan iddomina l-ġlieda. Fir-Repechage, Nico ltaqa’ kontra l-Pollakk Szymon Wojtkowski, fi ġlieda ferm kumbattuta, iżda hawnhekk tilef bil-punti.

Fil-klassifika ġenerali, Malta spiċċat fit-12-il post minn 18-il pajjiż u qabel pajjiżi ferm aktar ikkwotati bħal Fillandja, l-Iżvezja, il-Belgjum u s-Serbja.  

Jesmond Giordmaina kien il-coach nazzjonali filwaqt li Abraham Vassallo kien referee fejn anke kkontrolla diversi finali importanti.