Kunsilli Lokali Lokali

Abela jgħid li l-PN “bil-wiċċ tost kollu” innomina Kunsilliera minn tiegħu għal Sindku ta’ Birkirkara

Il-Prim Ministru jiċħad li warrab lil xi nies mill-Partit Laburista

Il-Ġimgħa filgħaxija l-Prim Ministru Robert Abela  wettaq u-turn oħra, attakka b’mod partiġjan, warrab għal kollox l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat u giddeb ċifri li huma iswed fuq l-abjad.

Dan hekk kif f’intervista mal-eks Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tax-Xandir tal-Istat, Reno Bugeja, Abela stqarr li ma jaqbilx mad-diskors tal-eks Ministru Laburista u eks Membru tal-Kabinett tiegħu, Evarist Bartolo.

Ftit tal-jiem ilu, Bartolo sostna li minħabba l-indeċiżjonijiet ta’ Robert Abela nnifsu l-pajjiż u l-Partit Laburista spiċċaw f’koma – fatt li l-Prim Ministru qed jiċħad.

Abela ċaħad ukoll li b’xi mod qiegħed iwarrab lil xi nies mil-Labour minkejja d-diskors tal-eks Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit kif ukoll tal-eks uffiċjal f’Kastilja Neville Gafà u d-Deputat Indipendenti Rosianne Cutajar fejn skonthom l-aħħar vittma tkun l-kunsilliera Laburista f’Birkirkara Yana Debono Grech.

Il-Prim Ministru stqarr li mhux vera li warrabha u li ma ridiex tkun Sindku.

B’mod mill-aktar skorrett huwa saħaq li Debono Grech ġabet l-akbar ammont ta’ voti b’ħafna u li kien ħaqqha tkun hi Sindku…u attakka lill-Partit Nazzjonalista għaliex fi kliemu, bil-wiċċ tost kollu ried jinnomina lill-Kunsilliera Desirei Grech bħala Sindku li fil-verità ġabert 3 voti biss inqas minn Debono Grech.

Fil-verità, Robert Abela jaf tajjeb li l-maġġoranza relattiva tal-Karkariżi, riedu lil Partit Nazzjonalista jmexxu l-Kunsill…u li r-rieda tal-lokal kienet li s-Sindku tkun Grech – kif effettivament ġie deċiż għat-3 xhur li ġejjin…madanakollu Abela, wara d-direzzjoni li ta biex Debono Grech titwarrab u jimbuttaw lill-Kandidat Indipendenti Kaylocke Buhagiar…issa prova jinġabar.

Kif prova jinġabar ukoll quddiem il-ħaddiema taċ-Ċivil li l-għada tar-riżultat elettorali tal-Elezzjoni tal-MEPs l-ewwel attakkahom u issa qed jgħid li kienet spin tal-Partit Nazzjonalista.

Fatt jibqa’ li Robert Abela għandu kriżi interna qawwija b’fazzjonijiet differenti li huwa ċar li qed jitlef il-kontroll tagħhom – diskors li dan mhux qiegħed jgħidu l-Partit Nazzjonalista iżda esponenti Laburisti li qed jesprimu d-dissens tagħhom b’mod apert.

Intant, il-Mexxej tal-Labour qal li sa Settembru l-elezzjoni għal Deputat Mexxej se tkun lesta…iżda ma eskludiex li jista jkun hemm aktar tibdil fit-tmexxija.