Żagħżugħ ta’ 23 sena spiċċa arrestat wara li nqabad b’90 gramma kannabis fil-Belt Valletta.
Il-Ħamis li għadda, għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar, waqt li l-Pulizija kienu fuq ronda fi Triq Melita, innutaw vettura li kienet qed tinstaq kontra d-direzzjoni tat-traffiku u għalhekk twaqqfet sabiex tinħareġ kontravenzjoni. Kien f’dak il-mument li x-xufier qajjem suspett li seta’ kellu xi ħaġa illegali.
Minn tfittxija li saret, irriżulta li r-raġel kien fil-pussess ta’ madwar 90 gramma sustanza
suspettata droga kannabis, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti.
Ir-raġel ġie arrestat u ttieħed l-Għassa tal-Pulizija fejn tkomplew l-investigazzjonijiet. Il-Maġistrat Philip Galea Farrugia ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
Iż-żagħżugħ qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u mistennija jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tal-10.30am quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi.
//= $special ?>