Il-Korp tal-Pulizija għandu jżomm attenzjoni kbira kif jeżerċita l-poteri tiegħu fejn għandu x’jaqsam investigazzjonijiet – mingħajr sentimenti partiġjani jew influwenza mill-politiċi.
Wasal iż-żmien li nirrevedu l-liġi biex il-Korp ikun awtonomu fil-funzjoni tiegħu u jilħaq mal-obbligazzjoni tal-kontabbiltà u imparzjalità.
Sostniet dan il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono waqt iċ-ċelebrazzjonijiet għal 210 anniversarju mit-twaqqif tal-Korp tal-Pulizija f’pajjiżna – fejn f’indirizz quddiem, fost l-oħrajn, il-Ministru Byron Camilleri u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa hija appellat għal bidla.
Filwaqt li rrikonoxxiet il-ħidma sfieqa tal-Pulizija u l-fatt li ħafna drabi l-uffiċjali jpoġġu ħajjithom fin-nofs biex jaħdmu favur il-ġid tal-familji Maltin u Għawdxin, il-President sostniet li l-obbligu tal-Pulizija huwa li jinvestigaw u jipprevenu, li jwettqu dmirhom u jiġbru l-evidenza…biex iressqu lis-suspettati quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji.
Myriam Spiteri Debono ħeġġet lill-Korp biex ikunu viżibbli man-nies ħalli jżidu l-fiduċja fost il-familji Maltin u Għawdxin – madanakollu saħqet li fi stħarriġ li sar dan l-aħħar huma biss ftit aktar minn 54% li jemmnu li l-Pulizija huma imparzjali f’dak li jagħmlu fejn għandhom x’jaqsmu investigazzjonijiet.
B’referenza għal motto tal-Pulizija, Domine Dirige Nos – Alla jiggwidana – saħqet li din verament hija neċessarja speċjalment quddiem l-aħħar allegazzjonijiet.
Hija saħqet li l-poplu verament irid jemmen u jara li l-Pulizija qed jaħdem mingħajr influwenza minn x’imkien ‘il barra mit-tmexxija tal-Korp – dan billi d-deċiżjonijiet li jittieħdu għandhom ikunu ħielsa minn kull ma jidher li donnu qed jinfluwenza bxi mod jew ieħor il-ġudizzju tagħhom…partikolarment dak politiku.
Intant, il-President Spiteri Debono semmiet li 80% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istess stħarriġ imsemmi jemmnu li hemm bżonn ta’ aktar community policing –il-bżonn li jħossuhom siguri u protetti fit-toroq tagħhom għal serħan il-moħħ għal familji.
//= $special ?>