Ambjent Għawdex Lokali

It-tielet bejta tal-fkieren għal din is-sena skoperta fir-Ramla l-Ħamra Għawdex

It-tielet bejta tal-fkieren tal-istaġun ġiet skoperta fir-Ramla l-Ħamra, f’Għawdex. Din is-sejba saret waqt ronda ta’ rutina s-Sibt filgħodu minn voluntiera dedikati ta’ Nature Trust Malta (NTM).

Mal-iskoperta, l-uffiċjali mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ikkoordinaw man-NTM biex jagħlqu z-zona sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-bejta. Intant, ser tinħareġ Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emerġenza biex ikomplu jissaħħu dawn l-isforzi.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jaġixxi b’mod responsabbli qrib iz-zona tat-tbejjit, peress li l-istorbju eċċessiv, irfis fiz-zona, u t-tniġġis tad-dawl jistgħu joħolqu theddid sinifikanti għall-bajd tal-fekruna u t-tfaqqis tagħhom.

L-ERA tinkoraġġixxi rappurtar immedjat ta’ kwalunkwe attività tal-fekruna; l-osservazzjonijiet jistgħu jiġu rrappurtati lill-ERA fuq 2292 3500, permezz tas-sistema tal-customer care tagħhom, jew direttament lil NTM fuq 9999 9505.

Barra minn hekk, NTM qed tfittex voluntiera biex jassistu fil-monitoraġġ u kompiti varji relatati mal-bejta. Dawk interessati fil-volontarjat jistgħu jikkuntattjaw lill-NTM permezz ta’ email fuq turtle.ramla@gmail.com għal aktar informazzjoni.