Lokali

L-Ombudsman jappella lill-Gvern biex titwaqqaf istituzzjoni li tħares id-drittijiet tal-bniedem

Ritratt: Matthew Tabone

L-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon insista li Malta huwa l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għad m’għandux istituzzjoni għad-drittijiet tal-bniedem… lil hinn mill-Qorti.

Intervistat fil-programm ta’ Andrew Azzopardi fuq l-istazzjon tar-Radju 103FM, l-Imħallef Emeritu qal li l-Uffiċċju tal-Ombudsman diġà tkellem fuq din il-lakuna fil-liġi u ppropona lill-Prim Ministru sabiex f’Malta titwaqqaf istituzzjoni li tħares id-drittijiet tal-bniedem. B’hekk, tkun din l-istituzzjoni li tiddeċiedi dwar każijiet ta’ ksur ta’ drittijiet fundamentali tal-bniedem, mingħajr il-bżonn li l-poplu jmur il-Qorti.

L-Ombudsman Zammit McKeon issuġġerixxa wkoll li l-Kummissarju tal-Anzjani, il-Kummissarju tal-Persuni b’Diżabilità,  il-Kummissarju tas-Saħħa Mentali u l-Kummissarju tat-Tfal għandhom ikunu parti mill-Uffiċċju tal-Ombudsman.

Fl-intervista ma’ Andrew Azzopardi, l-Imħallef Emeritu Zammit McKeon tkellem dwar ir-rapport tal-inkjesta ta’ Jean Paul Sofia, li ġie ppubblikat fi Frar li għadda, u li s’ssa, parti kbira mir-rakkomdazzjonijiet tħallew fuq l-ixkaffa mill-Gvern.

Dwar dan, l-Imħallef Emeritu Zammit McKeon sostna li r-rakkomandazzjonijiet saru, u kollox jingħad b’mod ċar fir-rapport … iżda issa sta għall-Istat u għall-Prim Ministru li jwettaqhom.

Fl-intervista, l-Imħallef Emeritu Zammit McKeon tkellem dwar ir-rapport annwali li ppreżenta lill-Ispeaker tal-Parlament din il-ġimgħa li fost oħrajn wera li s-sena li għaddiet, l-Uffiċċju tal-Ombudsman irċieva ‘l fuq minn 500 mitt ilment, żieda ta’ 22% meta mqabbel mas-sena 2022.

Huwa qal li parti kbira mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu jiġu implimentati waqt li spjega li meta dan ma jseħħx, il-liġi tagħti s-saħħa lill-Ombudsman li jmur għand il-Prim Ministru u wara għand il-Parlament.

Fl-2023, 30% li spiċċaw quddiem il-Parlament minħabba li ma ġewx implimentati.