The Rifffs qed jerġa’ jirritorna b’kanzunetta ġdida bl-isem ta’ ‘Modern Society’, l-ewwel single mill-album il-ġdid li mistenni jitnieda fl-2025.
The Rifffs jara l-bidu tiegħu fl-1979. Kien irnexxielu jilħaq l-immaġinazzjoni tal-kultura taż-żgħażagħ Maltin ta’ dak iż-żmien b’mod attiv b’diversi gigs u kunċerti madwar Malta, fosthom il-kunċert memorabbli fl-Alhambra f’Tas-Sliema. Kien irnexxielhom ukoll jiffirmaw ma’ kumpanija tad-diski indipendenti Ingliża, ‘Alternative Music’. Dan laħaq il-qofol tiegħu fil-ħruġ ta’ waħda mill-aktar diski influwentali Maltin tal-bidu tas-snin 80, ‘Dance Music for the 80’s Depression’ li llum wara aktar minn erbgħin sena, għadha tindaqq u għadha tingħoġob.
Wara 45 sena,The Rifffs għadhomu jattiraraw l-ammirazzjoni tal-ġenerazzjoni taż-żgħażagħ u issa għadhom kemm irrekordjaw materjal ġdid. Fil-fatt, wara żewġ studio albums ‘Moonstomp’ u ‘Can’t Stop the People’, kif ukoll sensiela ta’ singles inkluża wkoll it-track mal-leġġendarju Neville Staple ta’ The Specials, The Rifffs qed jirritornaw b’single ġdida bl-isem ta’ ‘Modern Society’.
Ray Mercieca, il-front man tar-Rifffs jistqarr li għalkemm ilhom bosta għexieren ta’ snin fix-xena, xorta għadhom parti mis-soċjetà moderna li qed tikkumbatti mal-ħajja. Jgħid hekk: “Il-kanzunetta tagħna ‘Modern Society’ hija biss tieqa ta’ dak li xi wħud minna naraw fil-ħajja ta’ kuljum. Xi kultant tajjeb, imma naraw ħafna ħażin u dwejjaq. ‘Modern Society’ hija imitazzjoni jew realtà? Hija ġenn politiku falz? Id-dinja li ngħixu fiha dejjem qed tinbidel malajr, imma l-unika ħaġa li aħna żguri hi li xi darba lkoll se mmutu u ngħidu saħħa lil din id-dinja.”
The Rifffs mhumiex biss parti legat mużikali ta’ Malta, iżda huma xhieda tal-perseveranza ta’ dawn is-snin fit-tibdil li ġabet magħha s-soċjetà u wara dawn is-snin għadhom relevanti u friski sal-lum. Minbarra li huma pijunieri tal-mużika ska f’Malta, il-band hija magħrufa u rispettata wkoll barra xtutna fost bands Ska attwali u spiss jidhru f’diversi kompilazzjonijiet.
Howard Keith, il-produttur tal-mużika minn Jagged House Music Company jgħid: “Kien ta’ pjaċir li naħdem fuq il-kanzunetti l-ġodda fl-istudjo u ħerqan li kulħadd jismagħhom. Jien kont naħdem ma’ Ray Mercieca, kantant ewlieni u kittieb tal-kanzunetti għal The Rifffs kif ukoll The Characters għal kważi 30 sena. Fl-istudjo għandna kimika u wara li pproduċejna ż-żewġ albums l-oħra nista’ ngħid b’mod onest li dan huwa wieħed mill-aqwa xogħol ta’ The Rifffs. Il-vuċi ta’ Ray għadha fl-aqwa forma u l-kanzunetti li qed jikteb huma ta’ kwalità eċċellenti.”
Is-single l-ġdida ‘Modern Society’ se tkun akkumpanjata minn vidjo mużikali li kien dirett minn Matthew James u ffilmjat minn Ricky Bugeja u Matthew James. Il-vidjo jikkuntrasta l-modi qodma ma’ dawk ġodda, japprezza l-vantaġġi taż-żewġ realtajiet filwaqt li wkoll hu konxju tal-iżvantaġġi. Matthew James, li huwa wkoll parti integrali ta’ The Rifffs kemm bħala artist kif ukoll bħala kreattiv, jirringrazzja lil Ivy House talli pprovdiet il-post kbir ċinematiku li serva għall-udjenza u l-ammiraturi tar-Rifffs, li wħud minnhom qed jidhru fil-vidjo mużikali. ’
The Rifffs qed jaħdem fuq it-tielet album tiegħu u għalissa mhux se jkun involut fl-ebda kunċert jew festival, iżda fl-2025 se jkun involut f’diversi festivals fl-Ewropa bl-antiċipazzjoni tal-album il-ġdid. F’dawn ix-xhur li ġejjin, The Rifffs se jniedu aktar singles minn dan l-album ġdid.
‘Modern Society’ tinsab aċċessibbli fuq il-pjattaformi mużikali ewlenin.
//= $special ?>