Lokali

Tintemm b’suċċess il-qadfa ta’ Delia minn Sqallija lejn Malta

Tintemm b’suċċess il-qadfa ta’ Anthony Delia, hekk kif fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt beda l-qadfa tiegħu bil-kajjikk ta’ 94 kilometru minn Sqallija għal Malta, biex jiġbor flus għal kawżi ġusti.

Il-vjaġġ li kien maħsub li se jdum bejn 18 u 19 -il siegħa, sar b’risq is-Sigma Foundation, Smiling with Jerome u Schools for Africa Malta.

Delia li għandu 52 sena, telaq minn Marina di Ragusa, fi Sqallija għall-ħabta tas-1am tal-Ġimgħa filgħodu, u wasal San Pawl il-Baħar fil-5:15 ta’ wara nofsinhar, ftit sigħat qabel ma kien skedat.

Fil-kummenti tiegħu eżatt wara li temm il-qadfa, Anthony Delia qal li kien qed iħossu fiżikament għajjien – iżda t-temp ippermetta, u l-appoġġ tal-familja tiegħu u sħabu għenu sabiex jagħmel ħiltu kollha, u jtemm il-qadfa qabel il-ħin maħsub.

L-avventura bil-kajjikk għal Anthony Delia bdiet ftit tas-snin ilu, waqt il-pandemija tal-COVID-19. Iżda s-sena l-oħra, hu flimkien ma’ ħabib tiegħu wettqu qadfa bil-kajjikk madwar il-ġzejjer Maltin u ġabru fondi għall-Fondazzjoni SiGMA – li għenu sabiex tinbena skola fl-Etjopja u ġiet pprovduta wkoll kura medika lill-pazjenti fil-Kolombja.

Iżda din is-sena, Anthony iddeċieda li jżid l-isfida bil-għan li jħeġġeġ nies oħra jwettqu sfidi bħalu għal kawżi karitattevoli.