Lokali Parlament

Tliet assoċjazzjonijiet jikkritikaw l-imġiba tal-Gvern – “Il-Ministru għandu jisma’ lil kulħadd”

L-Assoċjazzjoni tal-Professjoni tal-Counselling f’Malta, flimkien mal-Assoċjazzjni tas-Social Workers u l-Kamra tal-Psikologi saħqu li jinsabu inkwetati ferm għall-emendi proposti mill-Gvern.

Huma saħqu li jixtiequ l-opportunitajiet ugwali bħalma huwa qed jiġi offrut permezz ta’ leġiżlazzjoni li tirregola l-professjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kura tas-saħħa.

Filwaqt li faħħru r-relazzjoni li għandhom mal-Ministeru għall-Politika Soċjali, huma spjegaw li jinsabu diżappuntati ferm li ċertu deċiżjonijiet tant importanti qed jittieħdu f’għaġla u nuqqas ta’ ħsieb.

Huma insistew li l-Ministru konċernat – ċioè Michael Falzon – għandu jisma’ u jiltaqa’ ma’ kull assoċjazzjoni biex ikollhom l-opportunità li jiddiskutu ċertu tibdiliet.

Din il-ġimgħa tressqu emendi mix-Shadow Minister Graziella Attard Previ u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, f’isem il-professjonijiet inkwistjoni, ġew ippreparati waqt laqgħa li saret fl-uffiċċju tal-Oppożizzjoni fil-bini tal-Parlament nhar l-Erbgħa fejn għal din Il-laqgħa attendew rappreżentanti mill-professjonisti involuti flimkien maż-żewġ Deputati Nazzjonalisti.

Madanakollu, l-emendi kollha mressqa mill-Oppożizzjoni f’isem dawn l-għaqdiet ma sabux l-appoġġ tal-membri tal-Gvern hekk kif id-Deputati Laburisti vvotaw kontra kull emenda.

L-għaqdiet saħqu li ma jistgħux jifhmu għalfejn il-Gvern qed iwebbes rasu u jirriskja li jkollok professjonisti li ma jkunux ħadu taħriġ biżżejjed u adegwat għal professjoni tagħhom.

Huma temmew jgħidu dwar l-importanza li l-Gvern jagħti widen lill-professjonisti għaliex saħqu li dawk involuti direttament fil-professjoni biss jistgħu verament jixħtu dawl fuq is-servizz li jingħata lill-poplu.