Sport Sport Ieħor

Alcaraz jiddomina l-finali u jirbaħ it-tieni titlu konsekuttiv f’Wimbledon

(Ritratt: EPA)

Carlos Alcaraz wera l-kwalità tiegħu biex ikkonvinċa fir-rebħa kontra Novak Djokovic u rebaħ il-finali ta’ Wimbledon għat-tieni sena konsekuttiva. Għalkemm kienet ripetizzjoni tal-finali tas-sena l-oħra, l-andament tal-konfront kien totalment differenti, bi Djokovic isibha diffiċli biex ilaħħaq mal-Ispanjol. Alcaraz rebaħ il-finali 6-2, 6-2, 7-6 iżda fit-tielet set kien tilef tliet championship points meta kellu s-service u b’riżultat ta’ 5-4.

Minkejja d-dwell bejniethom, inħass is-sens ta’ rispett lejn xulxin. Fi tmiem il-logħba, iż-żewġ tennisti ħadu b’idejn xulxin filwaqt li waqt tgħanniqa ta’ awguri, Djokovic għadda messaġġ lil Alcaraz. Ftit sekondi wara, l-istess Alcaraz ħa b’idejn il-membri tat-tim ta’ Djokovic qabel ingħaqad biex jifraħ mat-tim tiegħu.

B’dan ir-riżultat, Djokovic falla għat-tieni sena konsekuttiva milli jilħaq ir-rekord ta’ Roger Federer li rebaħ Wimbledon tmien darbiet. Is-Serb kien qed jipprova li jaqbeż lil Margaret Court u jirbaħ il-25 Grand Slam fil-karriera, xi ħaġa li ma saritx mill-ebda tennist maskili jew femminili.

Għal Alcaraz, din kienet l-14-il logħba konsekuttiva mirbuħa f’Wimbledon filwaqt li żamm ir-rekord personali ta’ rebħa kull meta lagħab finali ta’ Grand Slam. L-Ispanjol ta’ 21 sena, sar ukoll l-iżgħar tennist li rebaħ Wimbledon u l-Open ta’ Franza fl-istess sena.

Fi triqtu lejn il-finali, Alcaraz ftit ikkonvinċa u rebaħ biss darbtejn mingħajr ma tilef set. Hu kellu juri perseverazzjoni biex irkupra u elimina lil Daniil Medvedev, Tommy Paul u Frances Tiafoe. Iżda ħalla l-aħjar għall-aħħar hekk kif wera l-aħjar tennis fil-ġurnata u kien dejjem pass qabel l-avversarju biex rebaħ f’anqas minn sagħtejn u nofs.