Internazzjonali

Attentat ta’ qtil fuq Donald Trump iħalli persuni mejta

L-Eks President tal-Istati Uniti Donald Trump spicca ferut wara li ġew sparati tiri lejh meta kien qed jindirizza rally f’Pennsylvenia.

L-isparatura ħalliet persuna mejta u oħrajn midruba serjament, bl-individwu li wettaq l-allegat assasinju jispiċċa maqtul mis-servizzi sigrieti tal-Istati Uniti.

Fi stqarrija li ħarġu s-Secret Service sostna li l-ufficjali tiegħu għamlu minn kollox sabiex iħarsu lill-Eks President Trump. U minnufiħ ser tinfetaħ investigazzjoni dwar dan il-każ serju, li seħħ ftit xhur biss qabel l-elezzjoni ta’ Novembru.

Fi stqarrija fuq il-midja soċjali tiegħu, Trump qal li jinsab tajjeb u li ser ikompli jiġġieled għall-interessi tal-Amerikani; kif ukoll għadda l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tal-vittma li sfat maqtula.

Min naħa tiegħu l-President tal-Istati Unitit Joe Biden sejjaħ konferenza stampa ftit tal-ħin wara l-inċident fejn sostna li jinsab iddispjaċut ferm b’dak li ġara filwaqt li ta l-appoġġ tiegħu lil Trump u l-familja tiegħu. Biden sejjaħ għall-għaqda nazzjonali f’dan iż-żmien iswed għall-Istati Uniti.

L-investigazzjonijiet dwar dan il-kas bdew mill-ewwel u s’issa l-FBI Amerikana identifikaw liż-żagħżugħ ta’ 20 sena Thomas Matthew Crooks, bħala l-persuna li allegatament wettqet din l-isparatura.