Mietu tal-anqas 20 Palestinjan fost mewġa ġdida ta’ attakki mill-militar ta’ Iżrael fuq Gaza. L-attakki seħħew fis-sigħat bikrin tal-Ħadd u anki ħallew l-għexieren tal-midruba.
L-azzjoni mill-ajruplani tal-gwerra konċentrat fuq il-Belt ta’ Gaza rriżultat f’emerġenza ċivili wara li l-missili laqtu numru ta’ djar fid-diversi bnadi tal-belt. Iżrael qal li l-azzjoni kienet parti mill-kampanja tiegħu biex jeqred lill-Kapijiet tal-grupp terroristiku Ħamas li għandhom il-moħbiet fl-inħawi.
Il-qawwiet Iżraeljani fl-aħħar jiem żiedu l-attakki mill-ajru u l-bumbardamenti fuq iz-zoni ta’ Gaza li x’aktarx jinkorporaw il-bażijiet tal-Ħamas.
Nhar is-Sibt, il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani qatlu tal-anqas 90 f’zona umanitarja li spiċċat suġġetta għall-agħar rejd mill-ajru fuq it-territorji ta’ Gaza tul dawn l-aħħar ġimgħat.
L-Iżraeljani issa qalu li l-attakk tas-Sibt kien intiż biex jelimina lill-Kap militari tal-Ħamas, Mohammed Deif, u meta ħadd għadu ma jaf jekk Deif, fil-fatt, għadux ħaj jew le. Min-naħa tagħhom, il-Ħamas qed jgħidu li l-Iżraeljani qed iferrxu l-informazzjoni qarrieqa biex jiġġustifikaw l-attakki kontinwi fuq iċ-ċittadini innoċenti f’Gaza.
//= $special ?>