Lokali

“Għandna Gvern Laburista li ġab is-servizz tas-saħħa f’xifer ta’ falliment” – Bernard Grech

“Għandna servizz tas-saħħa f’xifer ta’ falliment. Xi ħaġa li ilna ngħidu. Is-servizz tal-emerġenza qed ifittxuh mingħand il-privat.”

Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervent telefoniku li għamel dalgħodu waqt il-programm ‘Analiżi’ fuq Net Television meta kien qed jitkellem dwar is-sitwazzjoni li s-settur tas-saħħa spiċċa fiha taħt tmexxija ta’ Gvern Laburista.

“Kellna Gvern Laburista li kien u għadu fuq in-naħa tal-korrotti, baqa’ juża’ l-istess settur tas-saħħa li tajnih aħna. Imma dan kabbar il-popolazzjoni b’mijiet ta’ eluf, saħħaħ ir-rabta bejn il-politiku u l-korrott, u nefaq €400 miljun u ma investix għall-pazjent, għall-vulnerabbli.”

Bernard Grech kompla jgħid li jidher biċ-ċar li Robert Abela ma jridx iġib flusna lura.

“Għandhom ir-responsabbiltà li jonfqu flus il-poplu kif suppost għax dawk huma tiegħek, u għalhekk jiġu investiti kif suppost.”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita qal li Gvern Nazzjonalista jkun gvern kompletament differenti minn dak Laburista.

“Gvern ġdid Nazzjonalista li mhux imdaħħal f’dan kollu u b’hekk hu liberu li jġib flusna lura. Dan jista’ jagħmlu biss Gvern ġdid Nazzjonalista.”

U kien hawnhekk fejn tkellem dwar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-poplu Malti u Għawdxi.

“Se ninvestu wkoll fil-pagi, fi sptarijiet ġodda, f’apparat iktar modern, fil-pazjent, fil-marid, biex ikollu l-mediċini kollha li għandu bżonn. Għaliex aħna nemmnu li int jixraqlek l-aħjar.”

Bernard Grech tkellem ukoll dwar it-tħejjijiet li qed isiru b’rabta mal-Indipendenza.

“Huwa jum li nirriflettu u nħarsu lejn il-ġejjieni ta’ pajjiżna bħala poplu. Għalhekk se nniedu programm ta’ attivitajiet. Viżjoni tal-PN lejn kampanja importanti.”