Sport Sport Ieħor

Id-distrett tal-Isla jirbaħ ir-Regatta ta’ taħt it-18-il sena

(Ritratt: Senglea Regatta Club)

Regatta missielta iżda finalment kienu l-Isla li ħarġu rebbieħa fil-Bajja tar-Rinella fir-Regatta ta’ taħt it-18-il sena. B’hekk reġgħu rebħu x-Shield wara nuqqas ta’ sentejn minħabba li s-sena l-oħra kienu Bormla li ħarġu rebbieħa.

L-ewwel tellieqa fil-kategorija ta’ taħt it-18-il sena kienet Tal-Pass b’Erbgħa (Tal-Midalji). Il-Birgu ħarġu rebbieħa permezz tal-qaddiefa Lawson Cassar, Adonai Gatt, Ian Parascandalo u Nayden Casha. Bormla spiċċaw it-tieni segwiti mill-Isla.

Fit-tieni tellieqa tal-Frejgatini, l-Isla għelbu l-isfida ta’ Bormla u l-Birgu rispettivament. Il-koppja rebbieħa kienet magħmula minn Yarik Agius u Jerome Zammit filwaqt li ċ-ċkejkna Kashia Abela kienet coxwain.

L-Isla rebħet it-tieni tellieqa konsekuttiva li kienet Tal-Pass bi tnejn. Denilson Long u Clayton Azzopardi għelbu l-isfida ta’ Nickolas Paris u Kane Grima ta’ Bormla u l-koppja tal-Kalkara Matteo Loffreda u Josef Calamatta. Il-Birgu ġew skwalifikati.

Il-Ġirbin pattew għad-diżappunt fit-tellieqa ta’ qabel u rebħu tal-Kajjikki. Jayden Fisher u Nayden Casha daħlu qabel Ian Carabott u Neil Aquilina ta’ Bormla, bil-Kalkara tidħol it-tielet.

L-aħħar tellieqa dik Tal-Pass b’Erbgħa kienet se tiddeċiedi r-rebbieħ bil-Birgu, l-Isla u Bormla kollha kienu għadhom b’ċans li jirbħu x-Shield. L-Isla għelbu l-isfida ta’ Bormla u l-Birgu permezz tal-qaddiefa Denilson Long, Clayton Azzopardi, Jerome Zammit u Lincoln Falzon Schembri u b’hekk aċċertaw mir-rebħ tax-Shield.

Is-Sibt waranofsinhar beda bl-ewwel tellieqa li kienet Tal-Barklori. Għat-tielet sena konsekuttiva, Peter Cremona ta’ Marsamxett ħareġ rebbieħ wara li għeleb id-dwell ma’ Sven Gatt ta’ Bormla.

It-tieni tellieqa fil-programm kienet dik tan-nisa, bil-klabb ta’ Bormla jirbaħ bil-frejgatini qabel l-Isla u l-Birgu. L-ekwipaġġ rebbieħ kien magħmul minn Kiahna Camilleri u Breana Camilleri Jackson.

Riżultati Kollha

Tal-Barklori – 1. Marsamxett, 2. Bormla

Frejgatini (nisa) – 1. Bormla, 2. Isla, 3. Birgu

Shield U18

1. Tal-Pass b’Erbgħa (Tal-Midalji) – 1. Birgu 20 punt, 2. Bormla 12-il punt, 3. Isla 6 punti

2. Frejgatini – 1. Isla 12-il punt, 2. Bormla 8 punti, 3. Birgu 4 punti

3. Tal-Pass b’żewġ imqadef – 1. Isla 20 punt, 2. Bormla 12-il punt, 3. Kalkara 6 punti

4. Kajjikki – 1. Birgu 12-il punt, 2. Bormla 8 punti, 3. Kalkara 4 punti

5. Tal-Pass b’Erbgħa – 1. Isla 24 punt, 2. Bormla 16-il punt, 3. Birgu 8 punti

Klassifika Finali: Isla 62 punt, Bormla 56 punt, Birgu 44 punt, Kalkara 10 punti