Diversi persuni li kkuntattjaw lil dan is-sit irraportaw kif meta wasslu fil-Bajja tal-Balluta, f’San Ġiljan, huma ma setgħux jgħumu wara li sabu kulur il-baħar ħadrani.
Mhux magħruf x’wassal biex il-baħar jieħu dan il-kulur, possibilment ħruġ ta’ drenaġġ.
Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovritendenza għas-Saħħa Pubblika mhux l-ewwel darba li ħareġu avviż sabiex wieħed ma jinżilx jgħum f’għadd ta’ bajjiet minħabba kontaminazzjoni fil-baħar, inkluż din l-istess bajja.
Din il-bajja ilha mit-2 ta’ Ġunju magħluqa għall-pubbliku hekk kif mhix sigura għall-għawm.
Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar dan il-każ fejn qal li “l-poplu Malti u dawk kollha li jżuru dawn il-gżejjer jixirqilhom baħar u ambjent nadif.”
F’post fuq Facebook, huwa qal li “mhux aċċettabbli li wara l-investiment li kien sar minn Gvern Nazzjonalista fis-sistemi tad-drenaġġ, dan il-Gvern m’għamel xejn tant li diversi bajjiet spiċċaw magħluqin dan is-sajf minħabba żbroff tad-drenaġġ. Inqas u inqas hu aċċettabbli li jkun hemm bajjiet li jkunu għadhom ikkontaminati xahar u nofs wara li nagħlqu minħabba d-drenaġġ.”
Kien quddiem dan il-fatt fejn qal li “Gvern Nazzjonalista jara li immedjatament isir l-investiment meħtieġ biex l-infrastruttura ta’ pajjiżna tkun tiflaħ għad-domanda li hawn.”
//= $special ?>