Kantera, isem rinomat fix-xena mużikali Maltija għadhom kemm nidew il-video tal-kanzunetta ‘Vjaġġ Sabiħ’ li biha kienu kklassifikati fit-tieni post fl-aħħar edizzjoni ta’ Mużika Mużika, il-festival Nazzjonali li jagħti ġieħ lill-kanzunetta Maltija. ‘Vjaġġ Sabiħ’ għandha mużika ta’ Kantera flimkien ma’ Micimago, u l-kliem ta’ Joe Julian Farrugia. Ir-recording u l-produzzjoni saru minn Micimago.
Dwar din il-kanzunetta kont ktibt hekk fir-rapport tiegħi fuq l-edizzjoni ta’ Mużika Mużika 2024:
Kantera, jista ’ jitqies l-aktar element li kiseb suċċess b’konsistenza fl-edizzjonijiet ta’ Mużika Mużika. B’ħoss folk f’xenarju popolari bl-użu wkoll ta’ strumenti tradizzjonali, Kantera qed iżid dejjem fl- ammirazzjoni, jitjieb minn kanzunetta għal oħra. Konvint li kien ‘Vjaġġ Sabiħ’ għall-Kantera tul dawn l-aħħar snin, kanzunetta mexxejja, sabiħa li tinżel tajjeb mal-ewwel li tismagħha’. Stennejtha li tikklassifika mal-ewwel tlieta, u fil-fatt ġiet fit-tieni post.
Tkellimt ma’ Kantera dwar xi tfisser għalihom “Vjaġġ Sabiħ’. Jgħidu hekk: “Vjaġġ Sabiħ hija għal qalbna ħafna għaliex fiha suġġett sensittiv immens… dwar min sfortunatament jaqta’ qalbu mill-ħajja, speċjalment meta l-persuna tħoss li ħajjitha spiċċat kawża ta’ xi ċirkostanzi tqal wisq fil-ħajja; sitwazzjonijiet fejn il-bniedem jibda jintilef fid-dlam, jinsa s-sabiħ kollu u jaħseb li l-ħajja għalih tilfet kull sens. Din il-kanzunetta hija proprju messaġġ għal kull min isib lilu nnifsu f’din is-sitwazzjoni: messaġġ ta’ kuraġġ għal kull min iħossu qed jaqta’ qalbu li jibqa’ jgħix. Lil kull min hu għaddej minn żmien diffiċli u lil dawk li jbatu minn saħħa mentali ngħidulhom biex qatt ma jaqtgħu qalbhom u jfittxu l-għajnuna professjonali. Il-ħajja hija vjaġġ li m’għandna qatt naqtgħu qalbna minnu. Għax fost it-tlugħ u nżul kollha, finalment il-ħajja hija Vjaġġ Sabiħ!”
Kantera huwa magħmul minn Claudio Teuma Castelletti, George Bonello, Kurt Scerri, Kurt Aquilina, Mark Attard, Michael Refalo, Simon Farrugia u Raymond Farrugia.
//= $special ?>