Neil Camenzuli
Wara xahar mimli logħob, gowls, ċelebrazzjonijiet u emozzjonijiet waslet l-iktar partita mistennija tal-kompetizzjoni. Il-finali bejn l-Ingilterra u Spanja se tintlgħab illum fid-9:00pm fil-Olympiastadion. Spanja ma kellhomx triq faċli sal-finali, huma bdew fi Grupp B, li kien jikkonsisti mill-Italja, Kroazja u l-Albanija. L-Ispanjoli temmew fl-ewwel post bil-punti massimi u ma sofrewx gowl, filwaqt li skorjaw 5. Wara prestazzjoni sodisfaċenti immens fil-gruppi, kien jidher li Spanja se jkunu fost dawk li jkunu fl-aħħar stadji f’din il-kompetizzjoni. Fir-rawnd tal-aħħar sittax huma ma sabu l-ebda diffikultà jegħlbu lill-Georgia, bl-iskor finali jkun 4-1. Fir-rawnds ta wara Spanja affrontaw żewġ ġganti tal-futbol Internazzjonali, biż-żewġ partiti jintemmu bl-iskor identiku ta’ 2-1. Fil-kwarti finali, Spanja għelbet lill-Ġermanja fil-ħin barrani permezz ta’ Mikel Merino fil-119 minuta, filwaqt li fis-semi finali, Spanja dawret telfa f’rebħa permezz tal-istilla żagħżugħa Lamine Yamal u l-aqwa skorer Dani Olmo.
Il-kowċ Luis de la Fuente biddel totalment l-iskwadra Spanjola, u reġgħa ġab lit-tim Nazzjonali Spanjol fejn jistħoqlu wara sensiela ta’ riżultati negattivi fit-tournaments internazzjonali. Wara r-rebħa ta’ EURO 2012 kontra l-Italja, Spanja nqalgħu mit-Tazza tad-Dinja tal-2014 mill-gruppi, filwaqt li fit-Tazzi tad-Dinja tal-2018 u 2022 huma waslu biss sar-rawnd tal-aħħar sittax. Fil-kompetizzjonijiet tal-EURO, huma waslu sar-rawnd tal-aħħar 16, 4 snin wara li rebħu l-EURO fl-Ukrajina/ Polonja, u waslu sas-semi finali fl-2020 fejn inqalgħu kontra l-eventwalment rebbieħa L-Italja. Taħt it-tmexxija ta’ de la Fuente, Spanja rebħu l-UEFA Nations League fl-2023. Barra minn hekk dan mhux l-ewwel unur li de la Fuente rebaħ ma tim Nazzjonali Spanjol, hekk kif fl-2015 huwa rebaħ il-EURO ta’ taħt id-19, filwaqt li fl-2019 huwa rebaħ ukoll il-EURO ta’ taħt il-21 sena. Fl-2020, huwa spiċċa fit-tieni post mat-tim Spanjol fl-Olimpjadi tas-Sajf
Fil-kamp l-ieħor, L-Ingilterra, minkejja ħafna kritika, għal darb’oħra waslu fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni. Taħt it-tmexxija ta’ Southgate kien hemm ħafna min ma kienx kuntent bl-istill tal-logħob u bl-għażla tal-plejers, madankollu wieħed ma jistax jinjora l-fatt li l-Ingilterra għamlu kambjament enormi taħt it-tmexxija tiegħu. Fit-Tazza tad-Dinja tl-2018, l-Ingilterra temmew fir-raba’ post, filwaqt li fit-Tazza tad-Dinja tal-2022 huma nqalgħu fil-kwarti finali. Minn naħa l-oħra, huma kienu biss ftit minuti ‘l bogħod milli jirbħu l-EURO 2020 hekk kif ġew megħluba mill-Italja wara l-għoti tal-penalties.
Fil-vjaġġ tagħhom lejn il-finali, wieħed jista’ jargumenta li l-Ingliżi kellhom passaġġ eħfef minn dak tal-Ispanjoli. L-Ingilterra bdiet l-impenji tagħha fi Grupp C li kien jikkonsisti mid-Danimarka, Slovenja u Serbja. Huma temmew fl-ewwel post b’total ta’ 5 punti, żewġ gowls favur u wieħed kontra. Wara l-gruppi, l-Ingliżi ma kienux fl-aħjar forma, hekk kif fit-tlett partiti huma sabu ruħhom minn taħt f’kull waħda, madankollu rnexxielhom iwettqu rimonta biex jgħaddu għar-rawnd li jmiss f’kull okkażjoni. Fir-rawnd tal-aħħar sittax kien il-gowl ta’ Ivan Schranz li tefgħa lill-Ingliżi minn taħt wara 25 minnuta, madankollu r-rabuxxata ta’ Jude Bellinghem fil-95 minuta ħadet il-partita għal ħin barrani, biex ftit minuti wara Harry Kane sab ix-xibka għall-gowl tar-rebħa. Fil-kwarti finali sabu ruħhom minn taħt għal darb’oħra, din id-darba wara 75 minuta logħob meta Breel Embolo żblokka l-iskor għall-Iżvizzera, madankollu l-eroj Bukayo Saka skorja l-gowl tad-draw 5 minuti wara u eventwalment l-Ingliżi għaddew bl-għoti tal-penalties. F’dak li kien meqjus l-itqal konfront għall-Ingliżi fis-semi finali, kontra l-Olanda, l-Ingilterra kellha bidu diżastruż wara li Xavi Simons sab ix-xibka mid-distanza wara 7 minuti logħob, b’Harry Kane jirrispondi għaxar minuti wara. Kien gowl ieħor lejn it-tmiem din id-darba skorjat mis-sostitut Ollie Watkins li ħa lill-Ingilterra għat-tieni finali konsekuttiva fil-EURO.
L-aqwa skorer għall-Ispanjoli f’din il-kompetizzjoni huwa Dani Olmo b’3 gowls. Harry Kane huwa l-aqwa skorer tal-Ingliżi bl-istess ammont. Dan ifisser li apparti l-konfront bejn iż-żewġ timijiet, se tkun għaddeja anke taqtigħa bejn dawn iż-żewġ plejers għall-premju tal-aqwa skorer. Jude Bellinghem u Fabian Ruiz skorjaw żewġ gowls għat-timijiet rispettivi tagħhom.
L-aqwa skorer tat-tim Spanjol f’din il-kompetizzjoni Dani Olmo (Ritratt: EPA)
//= $special ?>