Lokali

Keith Schembri uża email bl-isem falz ta’ ‘Frank Pillow’ anke fil-konsorzju tal-Electrogas

Kompliet tiġi żvelata iktar informazzjoni b’rabta ma’ dak li kien jagħmel Keith Schembri meta kien Chief of Staff ta’ Joseph Muscat.

Daqs xahrejn ilu kien sar magħruf li Schembri kien juża email u isem falz sabiex jiddiskuti materji sensittivi b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet – id-deal frawdolenti ta’ Vitals.

Issa, The Shift News żvelat kif l-istess email bl-isem fittizju ta’ ‘Frank Pillow’ intuża wkoll fin-negozjati tal-konċessjoni tal-Electrogas wara li l-kumpanija Gasol abbandunat il-proġett tal-power station tal-gass f’Delimara.

Skont l-istess sors jidher li l-Gvern u Enemalta ġew mgħarrfa b’dak li kien qed jiġri min-naħa ta’ Gasol lejn l-aħħar ta’ Lulju 2015, iżda l-email ta’ Schembri juri li hu kien irċieva l-istess informazzjoni mingħand Yorgen Fenech daqs xahar qabel.

F’Marzu tal-2023, Keith Schembri kien deher quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Publiċi fejn meta mistoqsi dwar id-deal tal-Electrogas miċ-Chairman Darren Carabott, huwa wieġeb kollox fin-negattiv. Fost l-oħrajn, huwa kien mistoqsi jekk kienx mgħarraf dwar in-negozjanti li kienu għaddejjin, huwa wieġeb li qatt ma kien jaf b’xejn.

Hu meqjus bħala att kriminali min jigdeb taħt ġurament, b’Keith Schembri li fil-fatt wieġeb dawn il-mistoqsijiet taħt ġurnament. B’email li waslu għand The Shift News juru l-oppost ta’ dak li kien ħalef għalih Schembri.

Fid-deal ta’ Vitals kien sar magħruf li Schembri u persuni oħra kienu ta’ spiss ibiddlu l-email li jikkomunikaw bih. Bla dubju mossa biex jipprovaw ma jinqabdux dwar dak li kienu qed jagħmlu.

F’punt minnhom, Schembri u Konrad Mizzi, li dak iż-żmien kien il-Ministru tas-Saħħa, użaw l-email privat tagħhom biex jikkomunikaw mad-Direttur ta’ Vitals, Ram Tumuluri. Din il-komunikazzjoni saret biss ftit ġranet qabel ġie ffirmat formalment il-kuntratt tat-tliet sptarijiet.

Fl-email ta’ Frank Pillow instabu konverżazzjonijiet ma’ Tumuluri sabiex jiġu ffinanzjati mal-€200 miljun għat-tmexxija tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u t’Għawdex. Dawn l-emails żvelaw ukoll kif Schembri u Mizzi kienu jafu b’din il-ħadma li għaliha l-poplu Malti u Għawdxi ħallas il-miljuni ta’ ewro, iżda naqqsu milli javżaw b’dak li kien qed jinħema.