L-Urugwaj spiċċat il-Copa America fit-tielet post wara rebħa ta’ 4-3 bl-għoti tal-penalties kontra l-Kanada. Il-logħba li ntlagħbet fil-Bank of America Stadium, intemmet 2-2 fil-ħin regolamentari, bl-Urugwaj tevita t-telfa fl-aħħar minuti.
Rodrigo Bentancur kien poġġa lill-Urugwaj fil-vantaġġ wara tmien minuti b’xutt fis-saqaf tax-xibka minn azzjoni ta’ korner qabel Ismael Kone ġab id-draw fit-22 minuta wkoll waqt tkomplija ta’ azzjoni minn korner.
Il-Kanada marret fil-vantaġġ fit-80 minuta b’gowl tal-attakkant Jonathan David minn rebound, qabel il-veteran Luis Suarez ġab id-draw fit-92 minuta minn kross fil-baxx ta’ Josè Gimenez biex il-logħba kellha tkun deċiża bl-għoti tal-penalties.
Federico Valverde, Rodrigo Bentancur, Giorgian de Arrascaeta u Luis Suarez skorjaw il-penalties tal-Urugwaj filwaqt li Jonathan David, Moise Bombito u Mathieu Choiniere skorjaw għat-tim Kanadiż. It-tielet penalty mogħti minn Ismael Kone ġie salvat mill-gowlkiper Sergio Rochet filwaqt li Alphonso Davies falla l-ħames penalty wara li prova jqabbeż il-ballun u ħabat mal-mimduda.
Il-finali tintlagħab bejn l-Arġentina u l-Kolombja għada fis-2.00am ħin ta’ Malta.
//= $special ?>