Lokali

Owen Bonnici skomdu jwieġeb dwar Johann Grech tant li jfarfar fuq Clayton Bartolo

Membru ieħor fi ħdan il-Kabinett ta’ Robert Abela skomdu immens iwieġeb dwar il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech wara li sar magħruf fl-aħħar jiem li dan berbaq man-nofs miljun ewro fuq film ta’ għaxar minuti, li għadu s’issa moħbi mill-pubbliku tant li xxandar biss waqt il-Mediterrane Film Festival.

Waqt il-programm ta’ Andrew Azzopardi, il-Ministru Owen Bonnici prova jevita kompletament milli jiddiskuti l-imġiba min-naħa ta’ Grech; anke fid-dawl tal-fatt li hawn ħafna artisti lokali, inkluż żgħażagħ, li ma jsibux fondi biżżejjed li jistgħu jibbenefikaw minnhom bil-għan li jkomplu jsostnu t-talent tagħhom.

“O: Issa inti tgħidli miljun ftit għax biex tagħmel film trid miżerjament miljun u nofs, jew żewġ miljuni.
A: Għal għaxar minuti ridna nofs miljun fil-fatt.
O: Issa dik… Ma nistax inwieġeb dwar jien.
A: Imma inti Ministru, kieku jiena tgħidx kemm inwerżaq fil-kabinett.
O: Naħseb Clayton kien ċar ħafna.”

Mistoqsi għal darb’oħra dwar l-aġir ta’ Grech, Owen Bonnici baqa’ jfarfar fuq il-Ministru Clayton Bartolo.

“A: Inti ma tistax issa qed nitkellmu fuq l-arti u għax issa nafu li l-platt qed jaħraq tal-Ministru Clayton Bartolo ngħidulu issa jittrattaha hu. Il-verità hi li din hi kullana, ħolqa waħda ħdejn l-oħra. U dak li qed jiġri lill-artisti, fosthom imma mhux biss, dawn li jipproduċu l-films, irridu nirrikonoxxu li hemm xi problema, kriżi.
O: Il-qasam tal-industrija tal-film huwa settur li qiegħed fi ħdan il-Ministeru tat-Turiżmu.”

Tul dawn l-aħħar snin kemm ilu jokkupa l-pożizzjoni ta’ Kummissarju tal-Films sa minn żmien l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat, Johann Grech kien sinonimu ma’ tberbiq meqjus bħala wieħed esaġerat – fost l-oħrajn vjaġġi barra minn Malta li f’temp ta’ sentejn ġew jiswew lill-kaxxa ta’ Malta €600,000 – żewġ festivals li ġew jiswew ftit inqas minn €8 miljun, u short film ta’ 10 minuti li allegatament ġie jiswa nofs miljun ewro oħra.

Dan fost kritika qawwija ġejja kemm mill-industrija lokali kif ukoll min-nies li ħadmu mill-qrib ma’ Johann Grech.