Lokali

RACKET TA’ MILJUNI TA’ EWRO: Niżvelaw recordings wara li nħarġu eluf ta’ ID Cards iffalsifikati għal barranin

Racket li ilu għaddej mill-inqas sa mill-2015 fejn inħarġu mat-18,000 ID Card iffalsifikata wara li persuni li ġejjin minn pajjiżi tat-tielet dinja jintalbu madwar €5,000

Uffiċjali tal-aġenzija Identità u persuni qrib sew tal-Gvern, iffalsifikaw eluf ta’ ID Cards għal persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi wara li daħħlu fil-but somom kbar ta’ flus. Racket li ilu għaddej mill-inqas sa mill-2015.

Żewġ persuni li nqabdu b’ID Card falza u qed jiskontaw sitt xhur priġunerija, tkellmu ma’ NET News fejn żvelaw li huma kienu lesti jikxfu l-persuni kollha wara dan ir-racket – iżda ġew rifjutati li jingħataw l-istatus ta’ whistleblower.

Iżda kif inħadem dan ir-racket?

Kull ID Card falza kienet tinbiegħ għal eluf ta’ ewro, bl-ammont ivarja bejn €2,000 u €8,000 għal ID Card waħda sabiex persuni rregolari jkunu jistgħu jgħixu f’pajjiżna. B’individwu partikolari kien jiltaqa’ ma’ dawn il-persuni, li ħafna drabi kienu jkunu Eġizzjani u Libjani.

Hawnhekk, dawn il-persuni rregolari kienu jingħataw prezz sabiex tinħarġilhom l-ID Card falza u minnufih iħallsu ammont inizjali. Meta jkollhom din l-ID Card f’idhom, kienu jħallsu l-kumplament tal-pagament. Normalment, l-ID Card kienet tkun f’idhom fi żmien erba’ ġimgħat biss, jew saħansitra inqas.

“Kont nagħmel il-madum u [darba] morna naħdmu għand persuna,” qal l-ewwel priġunier. “Jiena mill-ħabs qed inkellmek. Din il-persuna offrietli biex jagħmilli l-ID Card. Qalli nista’ nagħmillek ID Card. [Trid] tħallasni €5,000. Imbagħad mort, ħaduli r-ritratti, u qisu wara ħmistax irċivejtha l-ID Card.”

“Għidtlu jien ġej minn fuq il-baħar,” qal it-tieni priġunier. “Qalli imma kif qed tgħix? Trid nagħmillek ID Card u hekk? Għidtlu iva. Qalli dak xogħol tiegħi u hekk. Qbilna dwar il-flus. U mbagħad talab €2,000. U mbagħad meta ġibt l-ID Card tajtu €3,000 oħra. “

L-iffalsifikar kien isir billi persuna titniżżel li miżżewġa lil xi ħadd fl-Unjoni Ewropea li lanqas biss tkun taf li teżisti

Dan ir-racket – li dwaru tkellem b’mod estensiv l-avukat Jason Azzopardi fuq il-midja socjali – jinvolvi l-falsifikar ta’ ċertifikati taż-żwieġ sabiex dawn l-eluf ta’ persuni jkunu jistgħu jgħixu f’pajjiżna. Ċertifikat taż-żwieġ li jfisser li persuna titniżżel li miżżewġa lil xi ħadd fl-Unjoni Ewropea – meta l-persuna lanqas biss tkun taf li jeżisti.

“Irċivejtha l-ID Card li jiena miżżewweġ Ingliża,” qal priġunier.

Sar ukoll l-iffalsifikar ta’ residenzi u toroq fuq dawn l-ID Cards.

Dan apparti li jidher li mat-300 kumpanija rreġistrata f’pajjiżna jinsabu involuti f’dan kollu hekk kif uħud minn dawn il-persuni ġew irreġistrati taħt dawn l-istess kumpaniji.

Inħarġu mat-18,000 ID Card falza

Bl-ammont ta’ flus li għadd ta’ persuni daħlu f’buthom kapaċi jlaħħaq mill-inqas €60 miljun. Dan hekk kif jidher li nħarġu mat-18,000 ID card falza.

Dan is-sit jinsab infurmat li l-Pulizija taf bl-ismijiet kollha li kienu l-imħuħ wara dan kollu; iżda għadhom s’issa ma ħadux azzjoni kontrihom.

“Jien din il-persuna naf x’jisimha,” qal wieħed mill-priġuniera.

Net News jinsab infurmat ukoll li f’dan ir-racket serju hemm saħansitra involuti persuni qrib ferm ta’ Membri fil-Kabinett ta’ Robert Abela, bl-istess Kabinett ilu jaf x’qed jiġri u jaf l-ismijiet tal-individwi wara dan kollu; iżda ma ħax azzjoni.

“Din l-ID Card sifirt biha iktar minn darba”

Każ serju ferm hekk kif din il-mossa qed tagħti lil dawn l-eluf ta’ persuni d-drittijiet kollha tal-Unjoni Ewropea. L-istess, jekk mhux agħar, mill-iskema li daħħal il-Gvern Laburista stess tal-bejgħ tal-passaport Malti.

“Issa jien din l-ID Card sifirt biha iktar minn darba,” qal il-priġunier. “Darbtejn jew tlieta [sifirt biha].”

Biex issa hemm inkwiet serju dwar x’passi se tkun qed tieħu l-Kummissjoni Ewropea. B’sogru kbir li pajjiżna saħansitra ma jitħallix jibqa’ parti miz-zona Schengen.

Mill-Qorti: