EURO 2024 Futbol Sport

Spanja rebbieħa tal-Kampjonat Ewropew għal rekord ta’ erba’ darbiet… Oyarzabal l-eroj b’gowl lejn it-tmiem

(Ritratt: EPA)

Spanja huma ċ-Champions tal-Ewropa għal rekord ta’ erba’ darbiet wara li rebħu l-finali tal-Kampjonat Ewropew 2-1 kontra l-Ingilterra, fl-Olympiastadion ta’ Berlin. L-Ispanjoli temmew din l-edizzjoni b’seba’ rebħiet minn seba’ logħbiet, li hu rekord ieħor. Għat-tim Ingliż din kienet it-tieni finali konsekuttiva mitlufa.

Wara taqsima li fiha ż-żewġ timijiet annullaw lil xulxin, it-tieni taqsima kienet kompletament differenti. Spanja fetħet l-iskor fis-47 minuta b’azzjoni ta’ Lamine Yamal lejn NICO WILLIAMS li b’xutt mill-ewwel fil-baxx għeleb lil Jordan Pickford.

Reazzjoni mit-tim Ingliż li ġabu d-draw fit-73 minuta bis-sostituti jkunu protagonisti. Azzjoni ta’ Bukayo Saka li qassam fil-kaxxa lejn Ollie Watkins, bl-attakkant niżżel il-ballun lejn is-sostitut l-ieħor COLE PALMER li b’konklużjoni preċiża għar-rokna għeleb lil Simon.

Fis-86 minuta wasal il-gowl tar-rebħa għal Spanja. Olmo qassam vertikalment lejn Oyarzabal li b’intelliġenza fetaħ fuq ix-xellug lejn Marc Cuccurella li mill-ewwel tefa’ kross fil-kaxxa, bl-istess MIKEL OYARZABAL antiċipa lil Marc Guehi u għeleb lil Pickford fil-baxx.