“Possibbli Johann Grech daqstant insensittiv? L-istorja tat-Times, ħallietni b’ħalqi miftuħ.”
Hekk iddikjara l-eks editur tal-Orizzont Frans Ghirxi f’artiklu li kiteb fl-edizzjoni tal-Ħadd fil-gazzetta ‘It-Torċa’, fejn analizza b’mod estensiv il-ħsara kbira li qed issir mill-Kummissarju tal-Films Johann Grech – li tajjar nofs miljun ewro għal filmat ta’ 10 minuti, fejn hu saħansitra ħa sehem bħala attur!
Frans Ghirxi, li huwa magħruf sew għas-simpatiji tiegħu lejn il-Gvern Laburista, jagħmel twissija ċara lill-istess Gvern – li donnu qed jagħlaq għajnejh quddiem din is-saga ripetuta tal-Kummissarju tal-Films.
Ghirxi saħansitra jallega li l-Kummissarju qed jiġi jaqa’ u jqum mill-kritika li qed issir. U li l-Gvern Laburista – skont hu – qed jingidem minn dan kollu.
“Kemm se jdum il-Gvern iħalli lil min jisparalu f’saqajh?”, jistaqsi Ghirxi. “Meta se jitgħallem?”
L-eks editur tal-Orizzont ifakkar li anke l-President tar-Repubblika ġibdet l-attenzjoni għal dak li għaddej fil-Kummissjoni tal-Films. Dan filwaqt li appellat għall-kontabbiltà u t-trasparenza.
Frans Ghirxi mhuwiex l-uniku esponent li tkellem apertament dwar dak li għaddej fil-Kummissjoni tal-Films, għaliex fl-aħħar ġimgħat rajna għexieren ta’ producers, atturi u professjonisti f’din l-industrija li kkritikaw b’saħħa lil Johann Grech… u l-fatt li l-Gvern mhux jinvest fit-talent Malti filwaqt li qed jalloka miljuni għall-produzzjonijiet barranin.
//= $special ?>