Lokali Sport

170km bir-rota minn Pozzallo sa Ortigia b’risq Caritas Malta

Caritas Malta bħalissa għaddejja bil-kampanja ta’ 3rd party events, fejn individwi, kumpaniji, jew gruppi, javviċinaw lil Caritas b’xi attività li jkunu se jagħmlu u b’hekk jinġabru fondi b’risq din l-entità.

Dawn il-fondi jkunu ferm ta’ sostenn għall-ħidma ta’ Caritas Malta fejn minbarra s-servizzi bi djar terapewtiċi residenzjali kontra l-abbuż ta’ droga, Caritas Malta toffri servizzi psiko-soċjali miċ-ċentru fil-komunità, il-Ħamrun, (Caritas Community Centre), liema servizzi huma kollha mingħajr ħlas.

Martin Azzopardi huwa wieħed mill-persuni li ħa l-inizjattiva biex jagħmel attività b’risq Caritas Malta. Martin għandu 58 sena u jaħdem mal-ambulanzi ta’ Mater Dei. Fix-xogħol tiegħu jiltaqa’ ma’ ħafna nies fil-bżonn u jħoss li b’din l-inizjattiva ta’ maratona bir-rota jista’ jiġbor fondi biex jgħin lil dawk l-aktar fi bżonn kif ukoll iħeġġeġ nies oħra jieħdu inizjattivi simili u jagħmlu bħalu.

“Nirringrazzja lit-tim li qiegħed warajja, lill-mara tiegħi, ħbieb u kollegi, lil Sergio Sciberras ta’ Go and Fun Isotonic Sport Drink li tant huwa ta’ spalla kbira għalija f’din l-attività u lil dawk kollha li qed jagħtu d-donazzjonijiet biex finalment jintlaħaq l-għan li jiġu megħjuna iktar persuni fil-bżonn. Nittama li nista’ nkun ta’ sostenn għall-ħidma ta’ Caritas Malta u l-ġid kbir li jsir minn din l-entità,” stqarr Martin Azzopardi fejn appella għall-ġenerożità tan-nies.

Martin se jkun qed jagħmel 170km bir-rota minn Pozzallo sa Ortigia fi Sqallija nhar is-Sibt 20 ta’ Lulju 2024.

Donazzjonijiet jistgħu jintbagħtu permezz ta’ Revolut fuq in-numru 99656510 jew paypal ta’ Caritas Malta https://shorturl.at/hYf3U b’referenza 170km cycle.

Caritas Malta tirringrazzja lil Martin Azzopardi u tħeġġeġ oħrajn biex jieħdu dan l-eżempju li jagħmlu xi attività b’risq Caritas Malta billi jagħmlu kuntatt permezz ta’ email info@caritasmalta.org jew messaġġ permezz tal-paġna ta’ Facebook Caritas Malta.