Lokali

Abela jagħti x’jifhem li l-instabbiltà fil-Labour se tkompli sa wara s-sajf

Il-Kap tas-Segretarjat il-ġdid ta’ Abela qal li għadu ma jafx kemm qed jitħallas

Biex jinbidel xi ħaġa fl-istrutturi tal-Partit Laburista – u biex il-partit fil-Gvern jibda jsib xi forma ta’ stabbiltà għal ġid tal-poplu Malti u Għawdxi – għad fadlilna nistennew prattikament sajf sħiħ.

Dan hekk kif it-Tnejn filgħodu mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti fuq jekk hux se jagħmel xi tip ta’ reshuffle fil-Kabinett jew xi tibdil fit-tmexxija tal-Partit… Abela ta x’jifhem li kollox se jkun qed jingħalaq f’Settembru.

Dan filwaqt li għadu mhux qed jeskludi li jneħħi b’mod totali lil Chris Fearne mit-tmexxija tal-Labour… jew imur għall-estrem l-ieħor; ċioè li jeħles minnu mill-Grupp Parlamentari Laburista u jibagħtu Kummissarju Ewropew.

Il-fatt jibqa’ li xahar wara r-riżultat elettorali pjuttost diżappuntanti għal-Labour, u t-tbeżbiża qawwija li wassal il-poplu, ħadd m’għandu postu garantit fit-tmexxija tal-Partit Laburista… ħlief Abela nnifsu – almenu sa issa.

Intant, l-għada li ħarġet l-intervista li kellu l-Prim Ministru mal-Malta Daily fejn insista li l-problema tat-traffiku jrid isolviha billi fost oħrajn in-nies jibdew jużaw mezzi ta’ trasport bil-baħar, Abela qed jgħid ukoll li l-ġbir tal-iskart u d-deliveries m’għandhomx isiru bejn it-8 u l-10 ta’ filgħodu. Għaliex f’dak il-ħin ikollna t-traffiku.

U meta kien mistoqsi fuq is-sistema tal-metro, Abela qal li dik tirrikjedi viżjoni fit-tul – imma hu jrid viżjoni short u medium-term.

Robert Abela kien qiegħed iwieġeb għad-domandi tal-ġurnalisti wara konferenza tal-aħbarijiet fejn ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid mal-Union tal-Għalliema, l-MUT – liema ftehim s’issa l-Gvern għadu ma żvelax pubblikament eżattament x’fih bħala ċifri.

Waqt l-istess attività, kien hemm preżenti fis-sala kien hemm l-Kap il-ġdid tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta’ Abela, Mark Mallia – li effettivement qed iservi bħala Chief of Staff.

Net News reġa’ staqsa, mingħajr ebda tweġiba, kemm hu l-pakkett finanzjarju li qed idaħħal f’butu wara li għaxart ijiem ilu Robert Abela ma żvelax kemm qed jitħallas.