Kunsilli Lokali Lokali

Abela jmur kontra r-rieda tal-maġġoranza – ma jridx li l-PN imexxi l-Kunsill ta’ Birkirkara

“Is-soluzzjoni mhux caretaker council immexxi mill-Partit Nazzjonalista”

B’mod mill-aktar sfaċċat, il-Prim Ministru Robert Abela ma jridx jirrispetta lill-maġġoranza tal-elettorat f’Birkirkara.

Dan hekk kif reġa’ tenna n-narrattiva tiegħu li l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara m’għandux jitmexxa mill-Partit Nazzjonalista, minkejja li l-familji Karkariżi afdawh b’maġġoranza relattiva – bil-Kunsilliera f’isem il-Partit Nazzjonalista, Desirei Grech, iġġib aktar minn 1,800 vot fl-ewwel għadd.

Il-Ġimgħa filgħaxija ddeskriva b’dan il-mod in-nomina ta’ Grech bħala Sindku Nazzjonalista – ċioè li “bil-wiċċ tost kollu” innominaw Kunsillier f’isem il-PN biex tkun Sindku.

Għaldaqstant, it-Tnejn filgħodu Net News staqsa lil Robert Abela għalfejn ma jridx jirrispetta l-għajta tal-maġġoranza, bil-Prim Ministru juri biċ-ċar li jrid jieħu t-tmexxija tal-Kunsill ta’ Birkirkara f’idejh.

U minkejja l-messaġġ ċar li wassal il-poplu ta’ Birkirkara fit-8 ta’ Ġunju, Robert Abela insista li l-vot għal kandidat indipendenti fuq Birkirkara… kien vot, skont hu, għall-Partit Laburista.

Matul l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, il-Partit tal-Labour immexxi minn Abela naqqas il-voti b’mod drastiku – bid-distakk fl-elezzjoni tal-MEPs jinżel għal 8,000 vot  filwaqt li l-Partit Nazzjonalista rebaħ lura numru ta’ Kunsilli Lokali u maġġoranzi fost l-oħrajn f’San Pawl il-Baħar, il-Mosta, l-Imsida, il-Mellieħa, iż-Żebbuġ Għawdex, is-Siġġiewi, San Ġwann, il-Mosta u Birkirkara.

Alfred Zammit qal li l-Labour ħadem kontrih għax “diżappuntat li tilef”

Imbagħad kellek Kunsill Lokali li żamm il-Labour… imma li ċertament kixef l-inkwiet li hemm fil-kurituri taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista; il-Kunsill tal-Belt Valletta. Tant li wara li sar magħruf li l-Belt kapitali kien se jkollha Sindku ġdid – Olaf McKay – il-predeċessur tiegħu Alfred Zammit f’intervista mat-Times of Malta, insista li ma ma reġax tela’ Sindku għax ħadmu kontrih mill-Partit Laburista stess.

Mistoqsi jekk hux se jinvestiga din l-allegazzjoni gravi magħmula minn Zammit, Robert Abela ta x’jifhem li ma huwa vera xejn. U li dan huwa biss diżappunt mill-Eks Sindku għax ma reġax ħa t-tmexxija f’idejh.

Fl-istess intervista mat-Times, Alfred Zammit ma eskludiex li jieħu ċertu deċiżjonijiet – fejn bosta għadhom qed jaħsbu illi l-Eks Sindku mhux jeskludi li jaqleb indipendenti. Dan filwaqt li insista b’mod ċar u tond li nies fi ħdan il-Partit Laburista ħadmu kontrih, u li ma ħassux apprezzat mil-Labour.