Enerġija Lokali

Anke l-NAO jikkonferma li ma sarx investiment fin-network tad-distribuzzjoni tad-dawl

Peress li l-qtugħ fil-provvista tad-dawl esperjenzata fis-sajf tal-2023 kien primarjament kawża tal-ħsarat fil-parti tan-network tad-distribuzzjoni ta’ vultaġġ għoli, l-Awditur Ġenerali għadu kif ikkonkluda analiżi serja li saret fuq in-network – u l-investiment li suppost sar bejn l-2014 u l-2023. L-NAO juri li l-investiment kapitali fis-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl kompla jonqos.

Dan l-eżerċizzju sab li l-qtugħ ta’ dawl irrappurtat fis-sajf tal-2023 kien riżultat ta’ diversi ħsarat mifruxa mal-HV network.

Skont l-Enemalta (li hija l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Malta – DSO), il-mewġa tas-sħana kif ukoll ż-żieda fl-ogħla domanda għad-dawl, kienu r-raġunijiet ewlenin wara dawn il-ħsarat. Għaldaqstant, l-NAO analizza dawn iż-żewġ fatturi kif ukoll indikaturi oħra bħad-domanda għall-elettriku u l-GDP per capita biex jiġu identifikati xejriet relatati mal-perjodu ta’ għaxar snin kopert minn din l-analiżi.

L-istatistiċi wrew li l-investiment kapitali fil-HV network deher jonqos partikolarment fl-aħħar snin koperti minn dan l-awditu. Dan jikkuntrasta mal-indikaturi msemmija hawn fuq, kif ukoll mal-fatt li l-investimenti fin-netwerk ta’ vultaġġ baxx (LV) u l-installazzjoni ta’ arloġġi ġodda tal-elettriku kienu qed jiżdiedu tul is-snin. Dan l-istudju sab ukoll li n-nefqa annwali fuq il-HV network kienet ferm inqas mill-baġits annwali allokati għal investiment kapitali.