Abbozz li għandu n-nuqqasijiet u li ma jindirizzax l-isfidi kollha fis-settur
Il-Partit Nazzjonalista jieħu s-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol b’serjetà kbira. Tant hu hekk, li mill-Oppożizzjoni, waqt l-istadju ta’ Kumitat, ta l-kontribut kollu tiegħu biex dan l-abbozz jitjieb fil-limitazzjonijiet li bih ġie ppreżentat mill-Gvern: nofs leħja u bil-għaġla.
Dan bl-ebda mod, ma jagħmel din il-liġi waħda kompleta. Hemm bżonn li jsir ħafna aktar xogħol biex jiġi żgurat li dan verament jipprovdi s-salvagwardji meħtieġa biex jitnaqqsu l-korrimenti u l-imwiet fuq ix-xogħol. L-Abbozz li ġie ppreżentat kien wieħed nofs leħja u bil-għaġla, ftit jiem qabel il-waqfa għas-sajf tal-Parlament sempliċiment għall-mottivi partiġjani biex ikun sar xi ħaġa minn dak imsemmi fl-inkjesta pubblika Jean Paul Sofia u mhux fl-aħjar interess tal-ħaddiema.
Il-Partit Nazzjonalista jixtieq jirringrazzja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-membri tal-Oppożizzjoni li pparteċipaw f’dan l-eżerċizzju, u lill-imsieħba soċjali u lir-rappreżentati tas-settur għall-kontribut tagħhom waqt il-Kumitat, li kienet l-unika opportunità li ngħatat biex jiddiskutu mal-Gvern f’aktar minn sena minn meta ssottomettew l-ideat tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista jenfasizza li l-Gvern ma jkomplix ikaxkar saqajh u jwettaq il-ħafna regolamenti li, kif ħarġu fil-beraħ il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista, u kif ammetta l-Gvern, għadhom neqsin, inkluż dawk relatati mal-HSRO. Jeħtieġ ukoll li l-Gvern jirrevedi u jaġġorna minngħajr dewmien regolamenti eżistenti bħal dawk relatati mal-building u l-kostruzzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jivvota favur dan l-abbozz ta’ liġi, però ser jippersisti u jassigura li jsir dak li fadal xi jsir, u jfakkar lill-Gvern li din il-liġi weħidha mhi xejn jekk l-Awtorità ma jkollhiex ir-riżorsi kollha neċessarja ta’ infurzar.
Dan intqal mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar, Kostruzzjoni u Artijiet Pubbliċi Stanley Zammit; u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Marittimi, id-Djalogu Soċjali, u l-Ġlieda Kontra Żieda fl-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo.
//= $special ?>

