Lokali

Inawgurazzjoni tar-restawr u induratura ġdida tal-vara titulari ta’ San Ġużepp tal-Kalkara

San Ġużepp lura fil-Kalkara, hekk kif din is-sena qed jitfakkar il-75 anniversarju mill-wasla tal-vara titulari – opra artistika li għaddiet minn proġett estensiv ta’ restawr u induratura ġdida.

Ix-xogħol ta’ induratura sar minn Ruben Camilleri Cauchi megħjun minn missieru Mario u ħuh Austin, fuq disinji ta’ Adonai Camilleri Cauchi, bl-għajnuna ta’ missieru Michael. Dan filwaqt li x-xogħol ta’ restawr sar minn Semira Bugeja.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija l-Parroċċa tal-Kalkara kienet l-unika waħda f’pajjiżna li tilfet għalkollox il-vara titulari tagħha, dakinhar li ġiet imġarrfa totalment il-Knisja Parrokjali preċedenti.

Ftit snin wara din il-ġrajja kerha, Ġużeppa Vella wriet ix-xewqa li tħallas vara ġdida ta’ San Ġużepp bħala wegħda li kienet għamlet fil-gwerra.

Il-Kappillan Monsinjur Carmelo Xuereb kien għarraf b’din ix-xewqa lill-Arċisqof Mikiel Gonzi li ddeċieda li jieħu ħsieb l-ordni ta’ din l-istatwa. Hu kien inkariga lill-Kavallier Vincenzo Bonello, kuratur tal-Mużew tal-Arti tal-Belt, biex jagħmel disinn ta’ vara devozzjonali b’simboliżmu meqjus.

Id-disinn kien ġie approvat mill-Vatikan u din il-vara ġiet minquxa fl-injam fir-raħal ta’ Ortisei, fil-provinċja ta’ Bolzano fl-Italja.

Intant, il-Ħadd li għadda… il-vara restawrata u indurata ta’ San Ġużepp qasmet il-Port il-Kbir bil-baħar mill-Marsa sal-Kalkara. Jakkumpanjawha kien hemm id-dgħajjes tar-regatta tal-Kalkara, kif ukoll numru ta’ opri tal-baħar.

Kif il-vara waslet fuq il-moll tal-Kalkara, ġiet milqugħha miż-żewġ baned Kalkariżi, il-Banda San Ġużepp u l-Banda Sagra Familja, li permezz ta’ marċ max-xatt wasslu lill-vara titulari ta’ San Ġużepp fil-Knisja Parrokkjali fejn hemmhekk indaqqu l-antifona u l-innu popolari.

Il-festa titulari ta’ San Ġużepp fil-Kalkara qed tiġi ċċelebrata matul din il-ġimgħa, bil-purċissjoni solenni ssir nhar il-Ħadd li ġej.