Lokali

Jinġabru €445,385 waqt il-maratona ‘Oħloq Tbissima’

It-22 edizzjoni tal-Maratona ‘Oħloq Tbssima’ ġiet fi tmiemha l-Ħadd f’nofsillejl b’somma sabiħa ta’ aktar minn €440,000 – fondi illi nġabru sabiex il-missjunarji jkunu jistgħu jkomplu jwettqu xogħolhom fil-Perù, fil-Pakistan u fil-Filipini, kif ukoll biex ikomplu jgħinu lit-tfal li hemm f’Dar San Ġużepp.

Din is-somma kienet waħda ta’ sodisfazzjon għal kull min ħadem minn xhur ilu biex tittella’ maratona ta’ kwalità, bil-parteċipazzjoni ta’ ħafna preżentaturi, kantanti u voluntieri oħra li ta’ kull sena jagħtu sehemhom f’dawn it-tlett ijiem tal-maratona. 

L-organizzaturi tal-maratona ‘Oħloq Tbissima’ rringrazzjaw ukoll lil kull min għamel donazzjoni u ta l-għajnuna; fosthom dawk li pprovdew l-ikel u x-xorb lil dawk li kienu preżenti.

B’mod partikolari huma rringrazzjaw lil Monsinjur Guseppi De Piro, il-fundatur tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, li għalkemm m’għadux magħna, ħadem bi ħġaru sabiex saċerdoti oħrajn imorru jaħdmu fost l-aktar persuni foqra.

Ringrazzjament speċjali kien indirizzat ukoll lejn Fr Louis Mallia… u s-saċerdoti żgħażagħ li żammew u taw aktar ħajja lil din il-maratona.

L-organizzaturi sostnew li wara din il-maratona, il-missjunarji jistgħu jgħidu li għal din is-sena għandhom biex isostnu lill-fqar, bil-ħafna għajnuniet li jagħtu ta’ kuljum.