L-Imħallef Lawrence Quintano kien konfermat bħala President tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni bi qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.
Dan il-qbil intlaħaq illum fil-Parlament f’mozzjoni li biha kien maħtur il-President tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni. Fil-votazzjoni li saret kien hemm 70 vot favur u ebda vot kontra.
Is-seduta tal-lum kienet l-aħħar waħda qabel l-aġġornament għall-btajjel tas-sajf. Wara li l-Parlment ħa diversi voti, il-gvern ħabbar li l-Parlament kien se jaġġorna għas-7 ta’ Ottubru 2024.
Il-mozzjoni dwar il-ħatra tal-President Quintano tressqet mill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard li qal li Lawrence Quintano għandu esperjenza kbira fil-ġudikatura u serva fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fejn kien jispeċjlaizza fid-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Hu kien impenjat fit-tagħlim tal-liġi fl-Università ta’ Malta u kien elett Chairman ta’ kumitat ta’ esperti fil-Kunsill tal-Ewropa. Hu kien elevat għall-ġudikatura fejn serva bħala maġistrat u bħala imħallef fil-qrati Maltin.
Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni kienet żvilupp importanti fil-pajjiż u appella biex kull min jifforma parti minn xi istituzzjoni fil-pajjiż jieħu l-ġlieda kontra l-korruzzjoni b’iktar serjetà għaliex il-korruzzjoni teżisti kullimkien.
Hu spjega kif fil-pajjiż hawn każi ċari ta’ krorruzzjoni iżda flok l-istituzzjonijiet jaġixxu, dawn ma jinvestigawx. Każi kbar ta’ korruzzjoni ma kinux trattati għaliex saru investigazzjoni, iżda għaliex fl-aħħar 10 snin l-investigazzjonijiet saru għaliex kienet l-Oppożizzjoni li insistiet fuqhom.
Karol Aquilina qal li mhux sodisfatt bil-mod kif topera l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni għaliex l-impressjoni hi li din hi bla snien. Din il-Kummissjoni ftit għandha għodda biex taħdem, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li dan mhux tort tal-Imħallef Quintano jew tal-membri.
Fil-fatt din il-Kummissjoni m’għandhiex uffiċjali investigati u l-investigazzjonijiet iridu jsiru mill-membri li mhumiex full-time. Karol Aquilina appella għal diskussjoni beix il-liġi dwar il-Kummissjoni tkun riveduta u din tingħata iktar riżorsi biex ikollha s-saħħa li tikkumbatti u tinvestiga l-korruzzjoni.
Il-PN hu lest biex jagħti proposti konkreti biex il-ħidma ta’ din il-Kummissjoni tkun effettiva u biex tinbidel il-kultura biex fejn hemm il-korruzzjoni n-nies titkellem u mhux toqgħod kwieta. Jeħtieġ li fil-pajjiż ikun hawn soċjetà li titkellem u mhux tibqa’ siekta quddiem il-korruzzjoni, sostna d-deputat Nazzjonalista.
Karol Aquilina qal li l-mozzjoni qed tiġi approvata bl-approvazzjoni tal-Gvern u l-Oppożizzjoni u kompla li hawn min jargumenta li din is-sistema taż-żewġ terzi ma taħdimx. Hu kompla li l-fatti huma li l-President ta’ Malta jinħatar biż-żewġ terzi u uffiċjali oħra u għalhekk din hi sistema li tiffunzjona. Karol Aquilina fakkar fl-aħħar proposta li għamel il-PN biex il-Kummissarju tal-Pulizija jinħatar biż-żewġ terzi tal-Parlament u sostna li l-Gvern lanqas biss tkellem dwar din il-proposta.