EURO 2024 Futbol Sport

L-unur tal-Aqwa Plejer Żagħżugħ imur għal Lamine Yamal

(Ritratt: EPA)

Il-plejer offensiv Lamine Yamal għalaq l-Euro 2024 bl-aħjar mod possibbli hekk kif ġie magħżul bħala l-Aqwa Plejer Żagħżugħ ta’ din l-edizzjoni. Yamal lagħab fil-logħbiet kollha f’din l-edizzjoni u beda f’kull logħba b’eċċezzjoni tal-aħħar logħba ta’ Grupp B kontra l-Albanija.

F’din il-logħba, il-kowċ nazzjonali Luis de la Fuente bidel it-tim kollu minħabba li diġà kien ċert mill-kwalifikazzjoni u r-rebħ tal-grupp, għalkemm Yamal xorta kien inkluż fl-aħħar 20 minuta tal-logħba.

Yamal kiser diversi rekords f’din l-edizzjoni. Fost l-oħrajn, sar l-iżgħar plejer fl-istorja tal-Kampjonat Ewropew meta beda mill-bidu kontra l-Kroazja fl-età ta’ 16-il sena u 338 ġurnata u sar ukoll l-iżgħar plejer li skorja fl-istorja ta’ din il-kompetizzjoni fl-età ta’ 16-il sena u 362 ġurnata bi ġmiel ta’ gowl fis-semifinali kontra Franza.

Hu għalaq 17-il sena proprju s-Sibt li għadda jew aħjar ġurnata qabel il-finali mirbuħa 2-1 kontra l-Ingilterra u b’hekk sar l-iżgħar plejer li lagħab waqt finali tal-Kampjonat Ewropew jew tat-Tazza tad-Dinja. Yamal lagħab parti importanti hekk kif serva lil Nico Williams biex wasal il-gowl tal-vantaġġ ta’ Spanja.

Din hi t-tielet edizzjoni li dan l-unur qed jingħata. Fl-2016, il-midfielder tal-Portugall Renato Sanches kien rebaħ l-ewwel edizzjoni tal-unur u fl-aħħar edizzjoni, kien il-midfielder Spanjol Pedri li ġie magħżul bħala r-rebbieħ.