Joseph Camilleri, uffiċjal tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, ġie mmultat €2,500 wara li nżamm responsabbli għal inċident li fih ħaddiem ħa xokk fiċ-Ċirkewwa. Sadanittant, żewġ diretturi ta’ kumpanija tal-kostruzzjoni kif ukoll il-persuna responsabbli mis-sit fejn kien qed isir ix-xogħol ġew illiberati mill-akkużi b’rabta ma’ dan il-każ wara li ma nstabux ħatja li wettqu xi nuqqas.
L-inċident kien seħħ fit-30 ta’ April 2011, fi Triq il-Marfa, bil-ħaddiem, Joseph Bugeja li dak iż-żmien kellu 32 sena, spiċċa fil-periklu tal-mewt wara li ħa xokk minn cable li kellu vultaġġ ta’ 33V. Huwa salva minn ħalq il-mewt imma spiċċa biex jimxi fuq żewġ riġlejn prostetiċi, jimmanuvra b’diffikultà fejn tpoġġielu ganċ minflok id-driegħ tax-xellug li spiċċa bih nieqes. Baqa’ wkoll bi problemi f’idejh.
Ir-raġel f’intervista li kien ta, qal li x-xogħol tiegħu kien fuq it-trakkijiet li kien ukoll il-passjoni tiegħu, spiċċa biex tilef kull forma ta’ indipendenza. Spiċċa wkoll ibati biex juża l-kompjuter. Dwar dan il-każ kienet infetħet inkjesta maġisterjali u tressqu l-Qorti Carmel u Paul Polidano, Diretturi tal-kumpanija tal-kostruzzjoni Polidano Brothers; Joseph Camilleri, Direttur ta’ Mays Corporation u project supervisor, u Peter Paul Caruana bħala l-persuna responsabbli mis-sit fejn kien għaddej ix-xogħol.
L-erbgħa li huma kienu mixlijin li kkaġunaw ġrieħi gravi lil Bugeja kif ukoll li naqsu li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit rriżulta li Bugeja kien fuq high-up meta laqat cable tad-dawl u ħa xokk.
Rappreżentant tal-Enemalta qal li l-Korporazzjoni qatt ma rċeviet talba biex dakinhar tax-xogħol jinqata’ l-elettriku fl-inħawi fejn kien qed isir ix-xogħol. Wara li semgħet lix-xhieda, il-Maġistrat Stafrace Zammit iddeskriviet l-inċident bħala wieħed sfortunat fejn qalet li l-vittma kellu parti mit-tort għal dak li ġara.
Dan għaliex huwa ħalla l-krejn mixgħul waqt li qed iwieġeb il-mobile phone u sostniet li ma kellux għalfejn jopera l-krejn b’tali mod li kien se jkun kważi qed jolqot il-cable ta’ fuqu waqt li żiedet li kien jaf sew il-kundizzjonijiet tat-temp għax hu stess ammetta li stenna madwar 10 minuti biex tieqaf ix-xita.
Dwar l-akkużati Polidano, il-Maġistrat Stafrace Zammit qalet li dawn għamlu dak kollu possibbli biex jiżguraw li l-impjegat tagħhom kien qed jadħem f’ambjent sigur. Il-Qorti sosntiet li mill-provi ħareġ li huma organizzaw kors għall-vittma u li parti minnu kien jikkonsisti fuq l-operat tal-krejn kif ukoll dwar il-possibbiltà li jkun hemm kurrent tal-elettriku fil-viċinanzi u kien għalhekk li illiberathom.
Dwar Peter Paul Caruana qalet li dan kien effiċjenti f’dak li għandu x’jaqsam is-saħħa u s-sigurta u fiż-żmien li seħħ inċident ma kienx inkarigat biex jassigura li jiġu evitati l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u illiberatu mill-akkużi.
Fir-rigward ta’ Camilleri, dan kien responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà u għalhekk ir-responsabbiltà kienet tiegħu waqt li nnutat kif l-Enemalta ma ntalbitx biex taqta’ l-elettriku fl-inħawi fejn kien qed isir ix-xogħol. Kien għalhekk li sabet biss lil Camilleri ħati tal-akkużi miġjubin kontrih mill-Ispettur Edmond Cushieri b’rabta ma’ dan l-inċident u mmultatu €2,500.
Il-vittma baqa’ jiftakar li baqa’ f’sensih wara l-inċident u jinkwieta dwar ir-reazzjoni tal-ġenituri tiegħu meta ta l-partikolaritajiet tiegħu fl-ambulanza. Jiftakar subgħajh magħqudin flimkien u li ma jistax jiftaħhom, u l-uġigħ kbir meta neħħewlu l-ħwejjeġ. Tenna li qam ġimagħtejn wara biex sab nofs ġismu nieqes. Iż-żewġ riġlejn ġew amputati – waħda minn fuq l-irkoppa u l-oħra taħt – u sakemm jaġġusta għal riġlejh prostetiċi.
//= $special ?>