Lokali Unjoni Ewropea

Roberta Metsola fuq l-għatba li tikteb l-istorja għal Malta u l-Ewropa

It-Tlieta 16 ta’ Lulju – ġurnata li fiha l-Parlament Ewropew se jkun qed jagħżel it-tmexxija l-ġdida tiegħu għall-ewwel nofs tal-leġiżlatura. Għal Malta, din hija elezzjoni storika, minħabba li din is-sena ċċelebrajna 20 sena minn mindu Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, u issa tinsab fiċ-ċans li jkollha persuna fdata għal aktar minn darba bit-tmexxija tal-unika istituzzjoni Ewropea eletta direttament mill-poplu.

S’issa, l-MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola, l-aktar kandidat li qatt ġabet voti fl-istorja tal-elezzjonijiet Ewropej f’Malta, hija l-unika MEP nominata biex isservi bħala President tal-istituzzjoni. In-nominazzjoni tagħlaq it-Tnejn filgħaxija, ftit sigħat biss qabel l-elezzjoni ta’ nhar it-Tlieta filgħodu. Metsola, li sentejn u nofs ilu għelbet liż-żewġ kandidati oħra u kisbet riżultat b’saħħtu mill-MEPs, tgawdi rispett kbir mill-mexxejja tal-istati membri u mid-deputati Ewropej.

Kull grupp jista’ jinnomina persuna biex tkun il-kandidata għall-President tal-istituzzjoni Ewropea. Fil-każ ta’ Roberta Metsola, li bħala MEP tal-Partit Nazzjonalista tifforma parti mill-akbar grupp tal-Parlament Ewropew – il-Partit Popolari Ewropew – ġiet kandidata wara elezzjoni interna li saret f’Ġunju. L-MEP Maltija, kisbet 100% tal-voti – turija tal-appoġġ b’saħħtu li tgawdi mill-MEPs tal-grupp.

Roberta Metsola hija t-tielet mara li qed isservi f’dan ir-rwol wara ż-żewġ Franċiżi Simone Veil u Nicole Fontaine li kienu Presidenti tal-istituzzjoni 42 u 22 sena ilu rispettivament. Hija wkoll l-iżgħar President fl-istorja, u jekk tiġi eletta nhar it-Tlieta, tkun it-tieni persuna fl-istorja li ngħatat il-fiduċja għat-tieni mandat infila wara l-Ġermaniż Martin Schulz, li serva fir-rwol ta’ President tal-Parlament Ewropew bejn l-2012 u l-2017.

F’kas li tikseb aktar min-nofs il-voti tal-MEPs, Roberta Metsola se tingħata mandat ta’ sentejn u nofs, qabel jerġa’ jkun hemm elezzjoni biex jinħatar President għat-tieni nofs tal-leġiżlatura.

Nhar it-Tlieta, Net Television se jkun qed jipproduċi xandira speċjali li fiha tistgħu ssegwu live l-elezzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, b’intervisti ma’ diversi mistiedna u kollegamenti ma’ crew li se jkun qiegħed Strasburgu. Ix-xandira tibda għall-ħabta tal-09:45am u tibqa’ sejra sa tmiem id-diskors tal-President tal-Parlament Ewropew.