Sport

Seminar nazzjonali bil-parteċipazzjoni ta’ diversi atleti

Il-Kummissjoni Atleti fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti organizzat seminar nazzjonali b’parteċipazzjoni ta’ madwar 50 atleta minn bosta assoċjazzjonijiet affiljati mal-KOM.

Is-seminar kien indirizzat minn Eleanor Bezzina, Chairperson tal-istess Kummissjoni. Bosta t-temi kienu diskussi fosthom tagħrif dwar l-Awtorità tal-Integrità fi ħdan l-Isport Malta permezz ta’ Andy Grech, responsabbli mill-edukazzjoni fi ħdan l-istess entità.

L-atleta paralimpiku Antonio Flores li ser jikkompeti fil-Logħob Paralimpiku ta’ Pariġi, wassal messaġġ dwar l-inklużjoni u l-mod kif atleta paralimpiku jista’ wkoll jilħaq livelli għolja. Waqt is-seminar saret preżentazzjoni dwar l-iżvilupp tal-isport Malta li wassal għall-ewwel partecipazzjoni Olimpika fl-1928.

Fit-tieni parti tas-seminar saret diskussjoni bil-partecipazzjoni ta’ William Chetcuti bħala l-aktar atleta li rrappreżenta lil Malta f’Olimpijadi, l-għawwiema Sasha Gatt li fl-Olimpijadi se tkun fit-tieni parteċipazzjoni tagħha, l-atleta Paralimpiku Antonio Flores li fl-2008 kien irrappreżenta lil Malta f’Beijing, kif ukoll l-atleta Rachela Pace li qed tistudja u tgħix fl-Istati Uniti fejn din is-sena kisret ir-records nazzjonali tal-long jump u triple jump.