EURO 2024 Futbol Sport

Thomas Műller jirtira uffiċjalment mit-tim nazzjonali Ġermaniż

(Ritratt: EPA)

Thomas Műller ħabbar uffiċjalment li rtira mit-tim nazzjonali tal-Ġermanja. L-aħbar kienet qed tidwi fiċ-ċrieki tat-tim nazzjonali u dawk qrib Műller hekk kif il-Ġermaniż kien ilu 14-il sena jifforma parti mit-tim nazzjonali. B’hekk il-kwartifinali kontra Spanja li fiha l-Ġermanja tilfet 2-1 fil-ħin barrani, spiċċat biex kienet l-aħħar logħba ta’ Műller.

Műller li għandu 34 sena, deher viżibbilment emozzjonat fi tmiem il-logħba kontra Spanja, hekk kif il-Ġermanja kienet eliminata fl-edizzjoni li saret f’pajjiżha, f’dik li kienet l-aħħar kompetizzjoni maġġuri għalih.

Hu kien għamel id-debutt mat-tim nazzjonali fl-2010 meta kienet daħal bħala sostitut fit-telfa ta’ 1-0 kontra l-Arġentina f’partita ta’ ħbiberija. Műller kien imsejjaħ għat-Tazza tad-Dinja tal-2010 u spiċċa bħala wieħed mill-aqwa skorers tal-edizzjoni b’ħames gowls.

L-aħjar mument tiegħu mat-tim nazzjonali kien meta lagħab parti importanti fir-rebħ tat-Tazza tad-Dinja fl-2014, bil-plejer offensiv skorja ħames gowls oħra. Madankollu, minkejja li skorja 10 gowls f’edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja, hu qatt ma skorja fil-Kampjonat Ewropew.

Mat-tim nazzjonali lagħab 131 logħba u skorja 45 gowl filwaqt li lagħab f’erba’ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja u erba’ edizzjonijiet tal-Kampjonat Ewropew. Hu s-sitt l-aqwa skorer tal-Ġermanja wara Miroslav Klose, Gerd Műller, Lukas Podolski, Rudi Völler u Jūrgen Klinsmann, kif ukoll it-tielet l-aktar plejer li lagħab mat-tim nazzjonali Ġermaniż wara Lothar Matthäus u Miroslav Klose.