Internazzjonali

Donald Trump… ritorn trijonfali wara l-attentat fuq ħajtu

L-attentat ta’ jiem ilu, f’’Pennsylvania, fuq il-ħajja ta’ Donald Trump serva bħala spinta ta’ appoġġ lill-Eks President Repubblikan li fil-preżent hu l-favorit assolut li jerġa’ jieħu mill-ġdid ir-riedni fl-Istati Uniti. Dan wara erba’ snin diffiċli għal Donald Trump li fost oħrajn kienu dominati b’diversi proċessi tal-qorti relatati ma’ diversi skandli jew aġir illegali qabel hu kien laħaq President għall-ewwel darba fl-2006.

Sadanittant, ir-ritorn ta’ Trump fil-pubbliku – jumejn wara li balla sparata lejh kienet għaddiet żbrixx minn ma’ widintu – inbidel f’dimostrazzjoni tal-appoġġ popolari u lealtà tal-partitarji li, illum, għandhom kważi ossessjoni biex jarawh lura fil-White House minflok il-President Joe Biden, il-kandidat tal-Partit Demokratiku u r-rivali dirett ta’ Trump fl-elezzjoni presidenzjali ta’ Novembru.

Donald Trump, fil-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta, attenda għall-Konvenzjoni Nazzjonali tal-Partit Repubblikan fl-Istat ta’ Wisconsin b’widnejh tal-lemin infaxxata u fejn hu ngħata merħba inkredibbli mill-eluf ta’ partitarji.

Ma naqsux il-ġesti spettakulari min-naħa ta’  Trump li għolla jdejh u għaqqad il-ponn waqt li kien dieħel fil-convention arena ta’ Milwaukee u fost id-daqq tal-innu ‘God Bless America’.

Donald Trump deher daħkan u rilassat waqt li mexa bil-kalma kollha qalb il-folol tad-delegati Repubblikani – wħud  bid-dmugħ f’għajnejhom – qabel avviċina lill-alleati politiċi ewlenin u membri tal-familja tiegħu li wkoll kienu preżenti għall-avveniment.

U l-ispettaklu kompla jikber, bl-udjenza tingħaqad f’kant kontinwu ta’  “Fight! Fight! Fight!”  (Komplu Iġġieldu u Insistu) biex ifakkru l-kliem ta’ Trump dritt wara li hu, fi tmiem il-ġimgħa, spiċċa l-mira ta’ żagħżugħ li sparalu diversi tiri minn fuq bejt ta’ bini u waqt li l-Eks President kien qed jagħmel diskors politiku fil-belt ta’ Barry.

Kollox, intant, jindika ‘it-tsunami ta’ ottimiżmu’ fost ir-Repubblikani u meta Donald Trump, fi kliem l-osservaturi, bħalissa ‘riekeb fuq mewġa ta’ approvazzjoni’ – anki fost l-Amerikani li sa ftit ilu kienu jaħilfu li ma kellhom jivvutaw qatt lill-Eks President.

Sadanittant, l-atmosferja fost id-Demokratiċi ma tistax tkun aktar differenti, bl-ogħla uffiċjali u konsulenti tal-partit fil-Gvern qed janalizzaw jekk Joe Biden, li għandu 81sena,  għandux tassew il-kapaċitajiet fiżiċi u mentali biex (f’każ li jirbaħ l-elezzjoni) imexxi lill-istati Uniti għal aktar snin – snin iddominati bl-isfidi li d-dinja rari rat bħalhom.

Dana ukoll meta Biden, ix-xahar li għadda, kien mar ħażin ħafna fl-ewwel dibattitu elettorali li kellu ma’ Trump – bl-Es President, min-naħa tiegħu, jiċċelebra wkoll numru ta’ rebħiet legali sinifikattivi.

Sadanittant, Trump, waqt il-Konvenzjoni tal-aħħar sigħat fil-Fiserv Forum ( ta’ Milwaukee), baqa’ jsegwi d-diskorsi għall-avveniment fil-preżenza tas-Senatur minn Ohio JD Vance – ir-running mate tiegħu fl-elezzjoni ta’ Novembru u li r-Repubblikani nnominawh għar-rwol ta’ Viċi President Amerikan.

F’dan il-każ, Donald Trump ma għamel l-ebda diskorsi iżda deher kommoss ħafna bl-applaws u l-għajjat ta’ appoġġ mill-eluf preżenti fl-arena. Eluf li kienu ilhom sigħat jistennewh biex jippreżenta ruħu għall-avveniment li ħa tifsira oħra wara li kien biss b’miraklu li l-Eks President salva mill-attentat tas-Sibt fuq ħajtu.