Lokali Unjoni Ewropea

“Għandna responsabbiltà li nħallu Ewropa aħjar” – Roberta Metsola

EP Plenary session - Election of the new EP President

Fl-ewwel diskors tagħha, bħala President tal-Parlament Ewropew għat-tieni leġiżlatura konsekuttiva, Roberta Metsola sostniet li “għandna responsabbiltà li nħallu Ewropa aħjar”.

Hi rringrazzjat lil dawk kollha li taw il-fiduċja tagħhom sabiex tmexxi mill-ġdid għas-sentejn u nofs li ġejjin.

Roberta Metsola rċeviet maġġoranza assoluta ta’ 562 vot minn 720 MEPs fl-ewwel round tal-votazzjoni – jiġifieri 90.2% tat-total tal-voti mitfugħa.

Metsola qalet li hi se tkun qed timxi fuq il-passi ta’ dawk kollha li ġew qabilha sabiex nifhmu aħjar il-passat u nibnu l-ġejjieni.

L-Ewropa tibqa’ r-risposta – Viva l-Ewropa

Il-President fakkret li l-MEPs kollha għandhom responsabbiltà li jħallu Ewropa aħjar għall-popli kollha. Dan jista’ jseħħ billi nneħħu l-ostakli kollha li wieħed jaffaċċja ta’ kuljum, billi niġġieldu l-inġustizzji. Ewropa fejn kulħadd iħossu li jinsab komdu f’pajjiżu stess.

Hi qalet li għadd hemm diskriminazzjoni għan-nisa, u diskriminazzjoni għal dawk b’diżabbiltà.

Kien hawnhekk fejn wegħdet li se tassigura leġiżlatura li se tipproteġi lill-ġurnalisti fejn se naraw dawl fid-demokrazija, hekk kif fakkret il-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia, li nqatlet bħal ġurnalisti oħra, qabel biss setgħet tara Ewropa aħjar.