Rowen Camilleri
LINCOLN RED IMPS……………0 (5)
ĦAMRUN S………………………….1 (4)
L. Red Imps: N. Santana, I. Ayew (T. Garcia 97’) , B. Lopes, T. De Barr, E. Britto, Nano, Joe, J. Sergeant (J. Valarino 112’), D. Bent, V. Villacanas (R. Munoz 70’), L Casciaro (G. Torilla 14’) (M. Yahaya 106’)
Ħamrun S: H. Bonello, S. Borg, J. Mbong R. Prsa (M. Ellul 104’), E, W. Barros (Mayron 106’), J. Corbalan (L. Montebello 46’), B. Ederson (D. Latherby 78’), E. Marcelina, R. Camenzuli, R. Lopes (S. Attard 78’), Talison (Vitao 63’)
Imwissija: J. Mbong 41’, B. Ederson 69’, S. Borg 75’, D. Letherby 86’ (Ħ), Joe 52’, T. De Barr 64’ (LRI)
Skorja: Vitao 89’ (Ħ)
Tkeċċa: D. Bent 5’ (LRI)
Referee: Eric Wattellier (FRA)
Assistenti Referees: Aurélien Drouet u Brice Parinet Le Tellier (FRA)
Ħamrun Spartans sfaw eliminati mill-Ewwel Round ta’ Kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League kontra Lincoln Red Imps bl-għoti tal-penalties wara li sal-120 minuta l-iskor spiċċa 1-0 favur tagħhom. Ħamrun għamlu kważi partita sħiħa b’raġel iżjed meta Dan Bent tkeċċa għall-avversarji wara biss 5 minuti. Il-gowl tal-Ispartans wasal fid-89 minuta mis-sostitut Vitao.
Il-partita ħadet żvolta simili minn dik tal-ewwel leg hekk kif wara ħames minuti kellna tkeċċija, bid-differenza iżda li din id-darba tkeċċa l-plejer ta’ Lincoln Red Imps Dan Bent għal foul ikraħ fuq Ederson Bruno.
L-ewwel periklu wasal minn Ħamrun fit-13-il minuta meta l-ewwel kien Prsa li pprova minn tarf il-kaxxa b’Santana jilqa’ parzjalmet, bil-ballun jiġi għand Mbong iżda l-konklużjoni tiegħu ma tkunx waħda tajba u l-goalkeeper ta’ Red Imps jerġa’ jilqa’.
Iċ-champions Maltin ħasbu li marru minn fuq fit-22 minuta meta Prsa għadda ballun preċiż minn fuq id-difiża lejn Raphael Lopes li minn quddiem Santana kkonkluda fix-xibka, iżda wara li kkonsulta mal-VAR, ir-referre Franċiż Eric Wattellier ħassar il-gowl.
Fil-35 minuta wasal l-ewwel xutt perikoluż tat-tim minn Ġibiltà meta minn barra l-kaxxa kien Villacanas li ttanta xortih iżda sab lil Henry Bonello attent u b’save mill-isbaħ dawwar f’korner. L-iskor sa tmiem l-ewwel taqsima ma nbidilx u ż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu fi draw ta’ mingħajr gowls.
B’Ħamrun li ovvjament riedu jiskorjaw biex jerġgħu jġibu l-aggregate indaqs, kienu Lincoln Red Imps li ħarġu fuq l-offensiva fit-tieni taqsima fejn Villacans fil-61 minuta jipprova xutt minn barra iżda reġa’ sab lil Bonello f’postu li laqa’ faċilment.
Ċans tad-deheb għall-Ħamrun żewġ minuti wara meta l-korner ta’ Talison sab lil Borg li xellef bir-ras, bil-ballun jaqa’ quddiem Prsa li iżda minn taħt il-lasta naqas milli jolqot sew u ċ-ċans sfaxxa.
Minkejja s-superjorità numerika, Ħamrun ma setgħux jippenetraw id-difiża ta’ Lincoln Red Imps għal ħinijiet twal sakemm minuta mid-90 kien Vitao li minn pass ta’ Marcelina, is-sostitut ta’ Ħamrun tefa’ wara Santana u għalhekk il-partita kellha tmur għal ħin barrani.
Azzjoni fuq kull naħa fil-bidu tal-ħin barrani, l-ewwel ikun Daniel Letherby għal Ħamrun li minn qagħda ċentrali ra x-xutt tiegħu jgħaddi barra biex imbagħad, Brittominn quddiem Bonello jara x-xutt b’saħħtu tiegħu ikun milqugħ bi bravura mill-goalkeeper internazzjonali Malti li dawwar f’korner.
Fil-110 minuta Ħamrun ikunu sfortunati meta l-ewwel id-difiża ta’ Red Imps jaqlgħu ballun minn fuq il-linja biex mill-istess azzjoni x-xutt ta’ Letherby jaħbat mal-mimduda.
L-iskor baqa’ ma nbidilx anke wara 120 minuta u l-partita marret għall-penalties fejn għal Ħamrun skorjaw Marcelina, Montebello, Mayron u Mbong u falla Steve Borg, filwaqt li Lincol Red Imps skorjaw il-ħames penalties permezz ta’ Britto, Nano, De Barr, Garcia u Munoz.
Ħamrun issa jmorru jilagħbu fit-Tieni Round ta’ Kwalifikazzjoni tal-Europa Conference League kontra FC Balkani tal-Kosovo.
//= $special ?>