Internazzjonali

Iċ-Ċina: Eżerċizzji navali mar-Russja li qed jinkwetaw lin-NATO

Il-qawwiet navali taċ-Ċina u r-Russja jinsabu għaddejjin b’eżerċizzji militari konġunti li qed iħassbu sew lill-pajjiżi tan-NATO. 

L-eżerċizzji bdew nhar il-Ħadd fil-provinċja Ċiniża ta’ Guangdong, u mistennija jdumu għaddejjin sal-aħħar tal-ġimgħa.

Intant, l-eżerċizzji qed jidhru wkoll sinifikanti wara li l-Alleati tan-NATO, waqt is-summit fl-Istati Uniti, irreferew għaċ-Ċina bħala pajjiż ‘li qed jiffaċilita l-gwerra tar-Russja li ilha għal aktar minn sentejn fl-artijiet tal-Ukrajna’.

Sadanittant, il-bastmenti tal-gwerra tar-Russja u ċ-Ċina f’dawn il-jiem kienu qed jagħmlu r-ronda qalb iz-zoni tal-Punent u t-Tramuntana tal-Oċean Paċifiku,

Il-Ministeru tad-Difiża Ċiniż qal li l-eżerċizzji m’għandhom x’jaqsmu xejn mas-sitwazzjonijiet reġjonali u internazzjonali u li ċ-Ċina u r-Russja ‘mhumiex jippruvaw jintimidaw lil xi pajjiż speċifiku’.

Dan waqt li ċ-Ċina spjegat li l-eżerċizzji qed ‘jeżaminaw il-kapaċitajiet tal-qawwiet navali tagħha biex jindirizzaw it-theddid għas-sigurtà huma u jippreservaw il-paċi u l-istabbilità fl-ibħra in kwistjoni’.

Madankollu, it-tensjoni bejn in-NATO u ċ-Ċina għadha għolja wara li l-Viċi Segretarju Ġenerali tan-NATO, Mircea Geoană, qal li ċ-Ċina hi ‘sieħba’ tar-Russja – filwaqt li rrefera għaliha wkoll bħala ‘theddida għas-sigurtà tal-Istati fl-Alleanza tal-Punent’.

L-Alleati tan-NATO, huma u jikkonkludu s-summit ta’ Washington, kienu ħarġu wkoll komunikat xott li bih esprimew inkwiet dwar il-proġetti nukleari u l-kapaċitajiet spazjali taċ-Ċina. Komunikat li juri biċ-ċar li l-Alleanza tal-Punent qed tikkonċentra dejjem aktar fuq l-aġir ta’ Beijing u tal-President komunista Ċiniż, Xi Jinping.