Lokali

“Id-drenaġġ fil-baħar hu riżultat ta’ deċiżjonijiet ħżiena” – PN

Illum qed naraw kif numru ta’ bajjiet huma kontaminatti bid-drenaġġ u dan huwa riżultat ta deċiżjonijiet politiċi u mudell ekonomiku li mhux sostenibli.

Kien dan il-messaġġ li waslu d-Deputati Ryan Callus, Rebecca Borg u Mario de Marco waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tlieta waranofsinhar, fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Ritratt: Matthew Tabone

Ix-Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Ryan Callus spjega kif fl-2013 Malta kellha l-iktar baħar nadif – però, issa, numru ta’ bajjiet ingħalqu għall-pubbliku.

Fost dawn hemm il-bajja tal-Ballutta li ilha magħluqa għal madwar xahrejn, u xorta l-Water Corporation Service qed tfalli milli tieħu azzjoni.

Fid-dawl ta’ dan kollu, Ryan Callus insista li l-Gvern qed jonqos mid-dmirijiet tiegħu.

Ritratt: Matthew Tabone

Minn naħa tagħha x-Shadow Minister għall-Ambjent Rebecca Borg saħqet li il-mudell ekonomiku preżenti li qed iħaddan il-Gvern qed iwassal għal tniġġis fl-arja u anke għal noise pollution.

Spjegat kif l-ERA qalet li huwa evidenti li fl-ibħra tagħhna hemm id-drenaġġ – madanakollu l-ERA qed tibqa’ tinsisti li hemm algi, waqt li l-Gvern qed iwaħħal fil-heatwave u fl-iskart li qed jintrema.

B’kuntrast, Gvern Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni qed joffri pjan ċar għall-ambjent.

Ritratt: Matthew Tabone

Ix-Shadow Minister għat-Turiżmu Mario de Marco sostna li ż-żieda fil-popolazzjoni ma kinitx akkumpanjata minn investiment u għalhekk waslet għal pressjoni kbira fuq l-infrastruttura.

Dan wassal għal problemi kbar fl-ibħra ta’ pajjiżna fi żmien meta pajjiżna l-iktar li jkollu turisti.

Mario de Marco tenna li issa wasalna f’salib it-toroq u għalhekk il-Gvern jeħtieġ ipoġġi madwar mejda flimkien mal-imsieħba soċjali biex jippjana viżjoni għall-10 snin li ġejjin.

Ritratt: Matthew Tabone