Għal dawn l-aħħar snin, Roberta dejjem għolliet isem Malta fl-istituzzjonijiet Ewropej, u kienet rappreżentanta denja tal-poplu Malti u Għawdxi f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ftit minuti wara li Roberta Mestola nħatret President tal-Parlament Ewropew għat-tieni darba konsekuttiva, fejn permezz ta’ post fuq Facebook awgura lil Metsola, li kisbet il-maġġoranza assoluta tal-voti tal-Parlament Ewropew.
M’għandix dubju fil-kapaċitajiet tiegħek biex tkompli tkun President denju tal-Parlament Ewropew, li ġġib l-interess komuni l-ewwel u qabel kollox. Għemilek huwa xhieda ta’ dan, temm jgħid Bernard Grech.
Intant, waqt intervent li għamel fuq il-programm speċjali Net Live fuq Net TV u Net FM, Bernard Grech qal li jinsab kuntent mhux biss għal Roberta Metsola imma għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Grech iddeskriva dan il-vot bħala unur kbir għal Malta u anke għall-Partit Nazzjonalista hekk kif Maltija bħalna mhux talli ġiet eletta, talli żiedet l-appoġġ u dan juri l-ħidma inkredibbli li għamlet Roberta Metsola fl-Unjoni Ewropea.
Dwar il-Partit Laburista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li tnejn minn tliet MEP’s tal-Labour ma ivvutawx lil Roberta Metsola u dan juri li hemm fazzjonijiet differenti fi ħdan il-Partit Laburista hekk kif Robert Abela għamel U-turn u wera l-appoġġ tiegħu lil Metsola.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa inkwetanti kif issa dan l-inkwiet intern qed isir evidenti anke fl-Unjoni Ewropea, u għalhekk huwa ċar aktar minn qatt qabel li Robert Abela tilef il-kontroll.
Minn naħa l-oħra, l-MEP’s Nazzjonalista se jkunu qed ikomplu jaħdmu għall-ġid tal-poplu Malti, favur l-ambjent, favur aktar fondi għal transport alternattiv, kif ukoll biex Għawdex jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu.
//= $special ?>