Lokali

Illum il-Parlament Ewropew se jkun qed jeleġġi President għas-sentejn u nofs li ġejjin

Il-Parlament Ewropew mistenni jeleġġi President sabiex jidderieġi l-attivitajiet kollha għas-sentejn u nofs li ġejjin. L-MEP Nazzjonalista fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew, Roberta Metsola, kapaċi ġġedded il-mandat tat-tmexxija li jmiss.

In-nomina ta’ Roberta Metsola għall-President tal-Parlament Ewropew kienet ġiet ikkonfermata wara vot ta’ approvazzjoni mill-Membri Parlamentari Ewropew tal-PEE f’laqgħa fil-magħluq.

Roberta Metsola se tkun ikkontestata mill-kandidata avversarja għal dan ir-rwol Irene Montero ta’ 36 sena. Montero ġiet imressqa mill-grupp politiku tax-Xellug – politika, psikologa Spanjola u membru tal-partit populista tax-xellug Podemos filwaqt li serviet bħala l-Ministru tal-Ugwaljanza ta’ Spanja bejn Jannar 2020 u Novembru 2023.

Jekk Roberta Metsola tiġi eletta President, tkun l-ewwel mara u t-tieni persuna li qatt mexxiet l-unika istituzzjoni Ewropea eletta direttament għal żewġ mandati konsekuttivi.

X’inhuma r-responsabbiltajiet ta’ President tal-Parlament Ewropew?

Elett għal mandat ta’ sentejn u nofs li jista’ jiġġedded, il-President jirrappreżenta lill-Parlament Ewropew meta jittratta ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE u mad-dinja ta’ barra.

Il-President jidderieġi wkoll l-attivitajiet tal-Parlament, jippresiedi s-sessjonijiet plenarji u jiddikjara l-baġit tal-UE finalment adottat.

Fil-bidu ta’ kull laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew jistabbilixxi l-fehma tal-Parlament fir-rigward tal-punti fuq l-aġenda u suġġetti oħra.

Kif jiġi elett President tal-Parlament Ewropew?

Il-President tal-Parlament jiġi elett mill-Membri tal-Parlament Ewropew permezz ta’ votazzjoni sigrieta. Dan isir fl-ewwel sessjoni tal-plenarja wara l-elezzjonijiet.

Il-gruppi politiċi jew il-gruppi ta’ mill-inqas 36 Membru tal-PE setgħu jressqu n-nomini tagħhom għar-rwol.

Il-kandidat li jirċievi maġġoranza assoluta tal-voti mitfugħa jingħata l-kariga.

Jekk l-ebda wieħed mill-kandidati ma jirċievi maġġoranza assoluta wara tliet rawnds ta’ votazzjoni, iż-żewġ kandidati ewlenin jikkompetu f’votazzjoni finali. Il-persuna li tirċievi l-aktar voti tiġi dikjarata bħala l-President il-ġdid tal-Parlament Ewropew.

Immedjatament wara l-votazzjoni, il-Membri tal-PE jeleġġu l-14-il Viċi President u ħames Kwesturi.

Dwar it-tmexxija tal-Parlament Ewropew

Sa mit-twaqqif tal-Parlament Ewropew fl-1952, 33 individwu okkupaw din il-pożizzjoni, inklużi l-fundaturi tal-Unjoni Ewropea, Paul Henri Spaak u Robert Schuman. Meta ġiet eletta President tal-Parlament Ewropew f’Jannar 2022, Roberta Metsola saret it-33 President u t-tielet mara li assumiet dan ir-rwol.

Minbarra li hi l-ewwel President Maltija tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola hi wkoll l-iżgħar President li qatt kien hemm. Bil-kandidatura tagħha għat-tieni mandat bħala President tal-PE, Roberta Metsola tista’ potenzjalment issir l-ewwel President mara li serviet it-tieni mandat konsekuttiv, u t-tieni President tal-PE li qatt serviet it-tieni mandat.

L-ewwel, u s’issa l-unika, President tal-PE li serva żewġ mandati kien is-Soċjalista Ġermaniż, Martin Schulz mill-2012 sal-2017. M’hemm l-ebda limitu għal kemm kandidat jista’ jikkontesta għal President tal-PE.

Is-seduta li fiha jiġi elett President ġdid tkun ippreseduta mill-aħħar President, f’dan il-każ Roberta Metsola, jew minn wieħed mill-Viċi Presidenti preċedenti, jew, fin-nuqqas ta’ xi wieħed minnhom, titmexxa minn Membru Parlamentari li żamm il-kariga għall-itwal perjodu.

Wara l-ftuħ mill-President attwali, Roberta Metsola, imbagħad se tkun il-Viċi President, Pina Picierno li se tippresjedi l-elezzjoni tal-President tal-PE. Il-kandidati għall-presidenza għandhom ħames minuti kull wieħed biex jippreżentaw id-diskors tagħhom lill-Parlament.

Jekk ikun hemm kandidat wieħed biss, l-elezzjoni tista’ ssir b’akklamazzjoni (mhux vot) u għalhekk, il-proċess ikun ferm aktar mgħaġġel. Dan għadu qatt ma seħħ fl-istorja tal-Parlament Ewropew.

Wara li jingħaddu l-voti, il-President li jkun għadu kif ġie elett jagħti dikjarazzjoni. Il-President imbagħad jissorvelja l-elezzjoni tal-Viċi Presidenti.