Internazzjonali

Jaħrab mill-Korea ta’ Fuq lejn il-Korea t’Isfel

L-aġenzija tal-ispjunaġġ tal-Korea t’Isfel ikkonfermat li diplomatiku importanti tal-Korea ta’ Fuq stazzjonat f’Kuba, ħarab mill-pajjiż.

Il-midja internazzjonali qed tirrapporta li dan id-diplomatiku ħarab f’Novembru li għadda.

Gazzetta Koreana ħabbret li intervistat id-diplomatiku Ri Il Kyun, li għandu 52 sena.

Jidher li hu kien ħarab għax sar diżilluż mal-Gvern tal-Korea ta’ Fuq.

Waqt l-intervista, id-diplomatiku qal li kull ċittadin tal-Korea ta’ Fuq ħaseb mill-inqas darba dwar il-ħajja fil-Korea t’Isfel.

Fix-xogħol tiegħu, id-diplomatiku pprova jwaqqaf relazzjonijiet uffiċjali bejn Kuba u l-Korea t’Isfel, iżda ma rnexxilux. L-aħħar diplomatiku ta’ profil għoli li ħarab mill-Korea Komunista kien Tae Yong-ho – l-eks ambaxxatur għar-Renju Unit – fl-2016.