Diplomatiku ewlieni tal-Korea ta’ Fuq li kien stazzjonat f’Kuba ħarab lejn il-Korea t’Isfel, f’sitwazzjoni imbarazzanti għall-Mexxej Korean komunista Kim Jong-un.
L-uffiċjal, li hu wkoll kunsulent politiku, hu l-aktar personalità prominenti li qatt ħarab lir-reġim ta’ Pyongyang mill-2016 – bl-aħbar toħroġ proprju issa, wara li hu kien qasam lejn il-Korea t’Isfel f’Novembru li għadda.
Id-dettalji dwar il-ħarbiet tal-Uffiċjali komunisti lejn il-Korea t’Isfel dejjem idumu ma jingħataw peress li dawn l-uffiċjali – magħrufa bħala ‘defectors’ – iridu jieħdu l-korsijiet dwar il-funzjoni tas-soċjetà fil-Korea t’Isfel qabel huma jistgħu jkunu integrati bħala ċittadini.
Sar magħruf ukoll li d-diplomatiku eks komunista kien responsabbli mill-affarijiet politiċi fl-ambaxxata tal-Korea komunista f’Ħavana. Intant, il-midja f’Seoul qed tgħid li d-diplomatiku, Ri Il Kyu, iddeċieda li jaħrab wara li ħassu diżulluż bir-reġim ta’ Kim Jong-un u l-futur imċajpar tal-poplu Korean komunista.
//= $special ?>