L-attakkant Franċiż ta’ fama mondjali Kylian Mbappe ġie żvelat fil-grawnd Santiago Bernabéu quddiem 80,000 partitarju. Huwa issa magħruf uffiċjalment ukoll li Mbappe se jkun qiegħed jilbes il-flokk bin-numru 9, hekk kif huwa ma xtaqx jieħu l-flokk bin-numru 10 li bħalissa għadu għand il-veteran Luka Modric.
Mbappe ngħaqad ma’ Real Madrid fil-bidu tas-sajf, qabel il-EURO 2024 hekk kif ħalla lil PSG wara li spiċċalu l-kuntratt.
L-iktar mument notevoli tal-preżentazzjoni kien meta Mbappe għajjat il-frażi ‘Hala Madrid’ quddiem il-partitarji li tfisser Forza Madrid, u bies l-arma.
Wara l-preżentazzjoni, Mbappe attenda konferenza stampa fejn hemm irrisponda bosta domandi mill-ġurnalisti, fosthom fuq fejn jixtieq jilgħab fit-tim. Huwa rrisponda billi stqarr li huwa kuntent jilgħab fejn hemm bżonn għat-tim, u huwa mdorri jilgħab kwalunkwe pożizzjoni fl-attakk.
Mbappe kkummenta wkoll fuq ir-relazzjoni li għandu mal-eks leġġenda ta’ Real Madrid Cristiano Ronaldo, fejn qal li għandu komunikazzjoni konsistenti mal-attakkant Portuġiż u jirċievi ħafna pariri mingħandu.
//= $special ?>