L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex ferħet lil Roberta Metsola għall-elezzjoni tagħha biex isservi t-tieni mandat bħala President tal-Parlament Ewropew u sostniet li l-appoġġ parlamentari tal-UE li kisbet Metsola biex iġġib vot daqshekk b’saħħtu, juri biċ-ċar il-kapaċitajiet politiċi u t-twemmin tagħha fil-proġett Ewropew.
L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex qalet li din hi elezzjoni storika għal Roberta Metsola, apparti li hija kisba personali, hija wkoll mument għalina lkoll, biex Maltin u Għawdxin ningħaqdu u niċċelebraw bħala nazzjon wieħed din il-kisba.
Din l-esperjenza tal-UE twassal messaġġ ċar li anke Malta, l-iżgħar nazzjon tal-Unjoni Ewropea, tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv, permezz tad-determinazzjoni, perseveranza, tmexxija u ħila tar-rappreżentanti tagħha. L-elezzjoni ta’ Metsola f’din il-kariga tagħmel lill-Maltin kollha kburin bħala nazzjon biċ-ċittadini tiegħu li jimpenjaw it-twemmin tagħhom fl-Ewropa.
L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex faħħret lil Roberta Metsola u awgurat li f’okkażjonijiet bħal dawn, bħala Maltin u Għawdxin, nerġgħu naqbdu dak is-sens ta’ tama u entużjażmu fil-proġett Ewropew.
L-Assoċjazzjoni qalet li taf kemm Għawdex huwa għal qalb Roberta Metsola u appellat lill-President elett tal-Parlament tal-UE biex tippromwovi u tistinka għall-bżonnijiet tal-gżira Għawdxija biex din taqsam u tibbenefika minn opportunitajiet indaqs u ttaffi r-restrizzjonijiet naturali tagħna.
//= $special ?>