Il-pajjiżi lejn il-lvant u x-xlokk tal-Ewropa qed ibatu l-effetti tal-mewġa tas-sħana attwali li ħalliet impatt dirett għas-servizzi u l-faċilitajiet tal-enerġija.
Waqt li din il-ġimgħa mistennija jitwaqqfu rekords ġodda tas-sħana, is-servizzi tas-saħħa qegħdin iwissu dwar l-impatt tat-temperaturi fuq is-saħħa tan-nies – u mhux biss l-anzjani u l-persuni vulnerabbli – bil-medja tas-sħana fl-aħħar sigħat tkun irreġistrata mal-40 grad Celsius.
Pajjiżi bħar-Rumanija, l-Ukrajna u l-Maċedonja ta’ Fuq kollha għaddejjin minn jiem ta’ sħana eċċezzjonali u fejn mhumiex jonqsu l-emerġenzi dovuti għall-fenomenu.
Ħafna nies f’dawn il-pajjiżi qed ikunu trattati għall-effetti tas-sħana waqt li t-temperaturi tant saru impossibbli li anki t-traffiku qed jieqaf għal xi ħinijiet, bil-ferroviji qed inaqqsu mill-veloċità matul il-vjaġġi rispettivi.
Il-mewġa tas-sħana anki qed tħalli impatt kbir fuq il-faċilitajiet tal-enerġija fir-Rumanija u meta l-produzzgħujoni fil-pajjiż ma tistax tlaħħaq mal-konsum. Sitwazzjoni li wasslet għal blackouts (qtugħ tad-dawl) ħafna aktar frekwenti minn tas-snin preċedenti.
Anki r-residenti tal-Ukrajna qed ibatu minn sħana storika – bis-sitwazzjoni għalihom qed tkun aktar ikkumplikata minħabba l-gwerra li għaddejja fl-artijiet in kwistjoni. U waqt li t-tobba kemm-il darba jirrakkomandaw biex in-nies jibqgħu ġewwa biex jistkennu mis-sħana tax-xemx, dan il-parir ma jidhirx li hu validu wisq għal ħafna familji Ukreni minħabba l-possibbiltà li djarhom jisfgħu mira tal-Magna tal-Gwerra tar-Russja.
Fl-istess ħin, il-qawwiet Russi qerdu partijiet sinifikanti tal-faċilitajiet tad-dawl fl-Ukrajna u n-nies jistgħu biss jagħmlu użu limitat mis-sistemi tal-airconditioning.
Fil-Maċedonja ta’ Fuq, sadanittant, qegħdin jaqbdu diversi nirien qalb il-foresti u z-zoni tal-aħrax fuq il-muntanja ta’ Serta, fir-reġjun ta’ Negotino. Dan meta l-iskwadri għall-emerġenzi qed jużaw ukoll il-ħelikopters u l-ajruplani attrezzati għal kontra n-nirien biex is-sitwazzjoni ma ssirx inkontrollabbli.
Hu minnu wkoll li r-rapporti preċedenti mill-Maċedonja ta’ Fuq irreferew anki għal seba’ inċidenti separati ta’ nirien qalb foresti fid-diversi bnadi ta’ dan il-pajjiż tal-Balkani.
//= $special ?>