Wara li x-xahar li għadda l-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet talba mill-aġenzija tal-intelliġenza finanzjarja Maltija, FIAU, biex tagħmel petizzjoni lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għal gwida dwar l-interpretazzjoni tal-liġi tal-UE fil-Qrati Maltin, reġgħet tilfet żewġ kawżi oħra li fihom il-multi amministrattivi tqiesu bħala “kontra l-Kostituzzjoni” u kritikati bil-qaww mill-Qorti.
L-għassiesa kontra l-ħasil tal-flus, tilfet għexieren ta’ sentenzi mill-qrati superjuri li ddikjaraw li l-policies tagħha dwar il-multi u s-sanzjonijiet bħala “kompletament illegali” minħabba li l-entitajiet taħt superviżjoni m’għandhomx dritt ġust ta’ smigħ.
L-Imħallef Toni Abela ddikjara fis-sentenzi tiegħu li l-mod kif taħdem l-FIAU kien “irregolari” u “jikser kwalunkwe saltna tad-dritt”. Hu kien qed jippresiedi l-kawżi li fetħu fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili żewġ fornituri ta’ servizzi finanzjarji li kienu nstabu mill-FIAU li kisru l-liġi ta’ kontra l-ħasil tal-flus.
L-Imħallef Abela qal fis-sentenza li l-multi impost mill-FIAU huma aktar qishom akkużi kriminali milli multi u li akkużi bħal dawn jistgħu jinħarġu biss mill-awtoritajiet li għadnhom is-salvagwardji kostituzzjonali. F’Awwissu 2020, il-kumpanija Vivaro ġiet immultata €733,000 mill-FIAU filwaqt li f’Ġunju tas-sena ta’ wara, Truevo Payments Ltd ġiet immultata €443,670.
Iż-żewġ kumpaniji kif għamlu ħafna oħrajn, appellaw il-multi u tennew li dawn kienu kisrulhom id-drittijiet tal-bniedem. L-FIAU minn naħa tagħha argumentat li ladarba kienet qed tapplika l-liġi, ma kellhiex tirrispondi għall-kawżi kostituzzjonali iżda l-Imħallef irrifjuta dan u tenna li kienet l-FIAU stess li kellha rwol fit-tnissil tal-liġi in kwistjoni.
L-Imħallef Abela żied jgħid li l-FIAU kienet responsabbli wkoll għall-għodda li tuża biex tiddetermina kemm timponi multi fuq kumpaniji. Hu semma kif mill-multi li tiġbor, l-FIAU kienet tużahom biex tiffinanzja l-operat tagħha stess.
Filwaqt li l-Imħallef irrikonoxxa li l-FIAU baqgħet tinsisti li l-għodda tagħha kienu approvati mill-Kummissjoni Ewropea, l-Awtorità Ewropea Bankarja, il-Moneyval u l-FATF, hu xorta stqarr li “dak li huwa ħażin jibqa’ ħażin”.
L-Imħallef Abela qal li ma setax jifhem kif l-FIAU baqgħet tinsisti li l-multi tagħha ma kinux punittivi meta d-dokument li jirregola l-politika tagħha stess jgħid li l-multi għandhom ikunu biss punittivi sabiex iservu ta’ deterrent għal min mhux konformi mal-liġi.
Dan id-dokument jgħid li l-multa għandha tkun effettiva “fis-sens li l-entità mmultata m’għandhiex tqisa bħala spiża b’rabta man-negozju” u għandha tkun sinifikanti biżżejjed biex ikollha impatt fuq id-dħul annwali tal-entità.
L-Imħallef iddikjara li meta l-Qorti kkunsidrat l-evidenza, fid-dawl tal-multi kbar, il-proċess mhuwiex kopert bis-salvagwardji meħtieġa mistennija mill-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea. “Il-Qorti mhux se tipproteġi liġi, anke jekk tkun ġejja minn trattati internazzjonali, jekk ikunu qed jiksru d-drittijiet fundamentali”, saħaq Abela. Abela ddikjara li l-multi tal-FIAU huma nulli u ordna lill-FIAU trodd lura l-flus li tħallsu.
Qorti oħra kienet qalet ukoll li multi punittivi jistgħu jinħarġu biss minn korpi li joffru l-protezzjonijiet legali meħtieġa u li dawk li ma għamlux, ma jsibux il-qorti bħala d-difiża tagħhom, u ddeskriva l-politika tas-sanzjonijiet tal-FIAU, li permezz tagħha jiġu kkalkulati l-multi, bħala “konvoluta , opaka u biżantina”.
//= $special ?>