Illum, għall-ħabta tal-10 am mistennija tingħata bidu għall-ewwel plenarja tal-10 leġiżlatura tal-Parlament Ewropew fejn l-MEPs se jkollhom għażla bejn żewġ kandidati – il-Maltija Roberta Metsola u l-Ispanjola Irene Montero.
Wara l-ftuħ mill-President attwali, Roberta Metsola, imbagħad se tkun il-Viċi President, Pina Picierno li se tippresjedi l-elezzjoni tal-President tal-PE. Il-kandidati għall-presidenza għandhom ħames minuti kull wieħed biex jippreżentaw id-diskors tagħhom lill-Parlament.
Wara li jingħaddu l-voti, il-President li jkun għadu kif ġie elett jagħti dikjarazzjoni. Il-President imbagħad jissorvelja l-elezzjoni tal-Viċi Presidenti.
X’nafu dwar iż-żewġ kandidati?
- Roberta Metsola
Roberta Metsola (née Tedesco Triccas) twieldet il-Gżira fl-1979. Hi rċeviet dottorat fil-Liġi fl-Università ta’ Malta qabel kompliet l-istudji tagħha fil-Liġi Ewropea fil-Kulleġġ tal-Ewropa fi Bruges. Matul is-snin bħala studenta, Metsola kienet attiva ħafna f’diversi organizzazzjonijiet, u kienet is-Segretarju Ġenerali għall-organizzazzjoni tal-Istudenti Demokratiċi Ewropej.
Metsola serviet fi ħdan ir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea mill-2004 sal-2012 bħala Legal and Judicial Cooperation Attaché u Kap tat-Taqsima Ġustizzja u Affarijiet Interni. Wara ngħaqdet mat-tim tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Catherine Ashton, bħala konsulent legali.
Metsola ilha MPE mill-2013. F’Novembru tal-2020 ġiet eletta bħala l-Ewwel Viċi President, u okkupat il-pożizzjoni ta’ Aġent President wara li miet il-President Sassoli fil-11 ta’ Jannar 2022. Hija se tibqa’ t-tielet mara li tokkupa l-post ta’ President tal-PE, wara Simone Veil (1979-1982) u Nicole Fontaine (1999-2002).
Roberta Metsola hija l-ewwel mara u t-tieni persuna li qatt mexxiet l-unika istituzzjoni Ewropea eletta direttament għal żewġ mandati konsekuttivi.
- Irene Montero
Irene Montero gradwat fil-Psikoloġija u saħansitra kisbet Masters degree f’dan is-suġġett. Hi għandha rabta ma’ movimenti soċjali.
Il-ħajja politika tagħha bdiet meta ġiet eletta Deputat għal Unidas Podemos fil-Kungress tad-Deputati fl-elezzjonijiet tal-2015, 2016 u 2019. F’Jannar 2020 hija nħatret Ministru għall-Ugwaljanza fejn dejjem iffukat fuq l-inugwaljanzi u l-vjolenza kontra n-nisa. Matul il-mandat tagħha, Montero ppromwoviet liġijiet bħal-liġi għall-Ugwaljanza Reali u Effettiva tal-Persuni Trans u għall-Garanzija tad-Drittijiet tal-persuni LGTBI u r-riforma tal-Liġi dwar is-Sesswalità.
Montero ġiet imressqa mill-grupp politiku tax-Xellug – politika, psikologa Spanjola u membru tal-partit populista tax-xellug Podemos filwaqt li serviet bħala l-Ministru tal-Ugwaljanza ta’ Spanja bejn Jannar 2020 u Novembru 2023.
//= $special ?>